It-3 Ħadd tar-Randan B
ĠESÙ HUWA T-TEMPJU L-ĠDID U L-VERU TA' ALLA
Dal-Vanġelu jagħmel parti mis-sensiela ta’ Vanġeli li l-Kristjaneżmu «da pasticceria» – biex ninqdew b’espressjoni tajba ta’ Papa Franġisku – jipprova jinsieha. Ġesù ma kienx kollu żegħil u kliem sabiħ. Dis-silta tal-Vanġelu turina li Ġesù kien jgħix skont virtù – anzi tnejn – wisq għeżież għat-tradizzjoni spiritwali tal-imgħoddi: dak li ssejjaħ l-għadab qaddis u wkoll il-ħeġġa għad-dar ta’ Alla, virtù speċifika tal-profeta Elija li tissemma b’mod ċar f’din il-kwotazzjoni: «Il-ħeġġa għal darek kilitni.» Iżda għalkemm jista’ jkun interessanti nieqfu fuq dan l-aspett, il-Vanġelu tal-lum – u taż-żmien liturġiku li ninsabu fih – jistednuna nirriflettu fuq il-fatt li ġisem Ġesù u t-tempju huma ħaġa waħda. Ġesù huwa t-tempju l-ġdid u l-veru ta’ Alla, mhux magħmul bil-ġebel. Biex ngħidu s-sewwa, dan it-tempju lanqas mhu magħmul minn Kristu waħdu! Iżda hu magħmul minn Kristu bħala ras u minna bħala ġismu u tempju tal-Ispirtu s-Santu. Dan it-tempju għandu jitħares bil-ħerqa għaliex Alla riedu jkun dar it-talb. Jalla Kristu jkun imħeġġeġ u ħerqan fil-qima u l-għotja tagħna lejh!