It-3 Ħadd tar-Randan A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-3 Ħadd tar-Randan A

EMMNU F’ĠESÙ FUQ IX-XHIEDA TAL-MARA
 
Fil-laqgħa tiegħu mal-mara tas-Samarija, Ġesù kiser żewġ drawwiet li hu, bħala Lhudi, kellu jħares. L-ewwel nett hu, li hu raġel, kellem lil mara waħedha – ħaġa li l-irġel Lhud ma kinux jagħmluha. It-tieni, din il-mara kienet Samaritana, mela eretika, barranija, waħda minn dawk li għal-Lhud kienu għedewwa. Imma dan jurina li d-drawwiet ma żammewx lil Ġesù milli jaqdi dmiru bħala ragħaj li jħares il-ġid tan-nagħaġ tal-merħla tiegħu. Hu kellem lil dik il-mara għax kellu għal qalbu l-ġid spiritwali tagħha u xtaq iwasslilha s-salvazzjoni. Għalhekk malajr mar għall-essenzjal u beda diskors spiritwali. Iżda l-mara għamlitlu bħalma ħafna drabi nagħmlulu aħna. Kif kliemu jibda jmissilna l-kuxjenza ma nibqgħux deħlin miegħu ’l ġewwa imma nibqgħulu fil-qoxra. Il-Mulej beda jkellimha fuq il-qagħda ta’ ħajjitha biex jgħinha tbiddilha u hi ppruvat iddawwarlu kliemu fuq iċ-ċerimonjal. Hu eħfef tieqaf fuq iċ-ċerimonji milli tħalli l-Mulej imexxik biex tneħħi l-ħażen minn ħajtek. Imma meta nagħmlu hekk iċ-ċerimonja tibqa’ ċerimonja mejta u ma tagħti ebda frott. Meta l-mara għarfitu u ħallietu jidħol f’qalbha, ma żammitux għaliha iżda wasslitu lis-Samaritani l-oħrajn ta’ dik il-belt, “li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom.” Meta ndaħħlu ’l Ġesù f’ħajjitna u nsiru xhieda tiegħu, l-oħrajn jitħajru minna u bħalna jagħrfuh bħala s-Salvatur tad-dinja.

ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content