It-3 Ħadd tar-Randan - Sena A
L-ILMA ĦAJ
Ir-rakkont li nisimgħu llum, dak tas-Samaritana, iġegħelna nirriflettu fuq xi jfisser li jkollna lil Kristu bħala l-ilma ġieri, ħaj, li bih ngħixu. Kristu jippreżenta ruħu ħdejn il-bir ta’ Ġakobb, u hemmhekk, għad-dell ta’ xi ġummara jew xi balluta, jistenna! Jistenna lil din il-mara li kellha bżonn tixrob mhux l-ilma li kienet sa ttella’ mill-bir, imma l-ilma ħaj li jista’ jagħtiha huwa biss. Għall-ewwel il-mara ma fehmitx x’ried jgħid Ġesù, imma mbagħad meta ħallietu jinfdilha qalbha, hija fehmet li Ġesù kien qiegħed jitkellem dwar ilma li ma jintemm qatt. U fehmet ukoll li hi mhux biss kellha bżonn minn dan l-ilma, imma riedet li tul ħajjitha kollha tibqa’ tixrob minn dak l-ilma. Dik li ma kinitx temmen, saret dixxiplu ta’ Ġesù. Dik li ħajjitha kienet imfarrka u mkissra minħabba d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom, issa ħajjitha saret sħiħa u nadifa bl-ilma li xorbot minn Kristu.
Hekk aħna, irridu niddeċiedu liema ilma sa nixorbu! Nistgħu inkomplu nixorbu l-ilma li tagħtina d-dinja – il-flus, il-poter, il-prepotenza, l-ingann, il-qerq, ir-regħba, is-sess bla rażan, il-mewt – jew inkella niddeċiedu li nixorbu l-ilma li qiegħed joffrilna Kristu – il-paċi, l-hena, il-ferħ, il-maħfra, l-imħabba, il-ħajja! Irridu niddeċiedu. Dan il-Ħadd, it-tielet fiż-żmien ir-Randan Imqaddes, qiegħed joffrilna l-okkażjoni biex niddeċiedu jekk nimxux wara Kristu jew inkomplux ngħaddsu rasna fil-ħama tad-dinja. Tista’ tirċievi l-ilma li jagħtina Kristu billi tisma’ l-Kelma, tixtarr dak li qiegħed jgħidlek Kristu permezz tal-Kelma tiegħu, tpoġġi lilek innifsek quddiemu, quddiem l-Ewkaristija Mqaddsa, billi jkollok atteġġament ta’ talb, qalb miftuħa, qalb doċli, billi l-ħin kollu tikkonverti (iddur lejn Kristu) u tħaddan lil Ġesù miegħek u jkollok lilu biss! B’dan il-mod biss tista’ tgħid li tkun miexi fit-triq li twassal għall-ħajja ta’ dejjem. B’dan il-mod biss tista’ tgħid li tkun qiegħed tixrob min-nixxiegħa tal-ilma ħaj li huwa Kristu nnifsu.