It-3 Ħadd tar-Randan - Sena A
NISIMGĦU L-KELMA TA' ALLA... U NKUNU ĦIELSA!
Qabel persuna idduq l-imħabba ta’ Alla l-Imbierek u tintelaq f’idejh, qatt ma tista’ tgħid tabilħaqq, sa fejn twassal din l-imħabba. Tant ieħor nistgħu ngħidu għall-qawwa tal-Kelma ta’ Alla. Sikwit, nitgerfxu meta nersqu lejn il-Kelma, mhux għax aħna nies ħżiena, imma għaliex inkunu mxekklin mill-attitudni tagħna stess; minn dak li naħsbu, jew jidhrilna li hu sewwa. Imma fil-verità, l-istorja mhix hekk. Naraw ftit il-poplu ta’ Israel, meħlus mil-jasar tal-Eġittu, iżda jgerger fuq li jgerger. Dan il-poplu minkejja li ħieles, ma fehemx il-kobor tal-libertà u l-grazzja kbira li tah Alla l-Imbierek, iżda għażel li jibqa’ mwaħħal mal-ktajjen tal-jasar. Sakemm Alla wera l-ħniena tiegħu u tah jixrob l-ilma mill-blat. Alla jurih grazzja fuq grazzja u fid-deżert ħareġ l-ilma mill-blat, permezz ta’ Mosè. Wara dan l-episodju, il-poplu ta’ ras iebsa, fehem li l-Mulej jinsab miegħu, għaliex f’mument daqshekk importanti u kruċjali, ta’ ħajja u mewt, kiseb l-ilma li jaqta’ dan l-għatx kiefer mill-ħajja tiegħu.
Alla l-Imbierek irid li qalbna tirtab, biex niksbu aħna wkoll dan l-ilma ħaj. Fil-Vanġelu tal-lum naqraw dwar il-mara mis-Samarija li bla ħsieb iltaqgħet ma’ Ġesù. Ir-rakkont nafuh sewwa. Iżda forsi dak li ma nafux daqstant tajjeb hu li kif Ġesù, waqt li b’imħabba kbira kellem lil din il-mara, wassalha biex tifhem ħafna affarijiet importanti, li forsi hi qatt ma ħasbithom. Il-laqgħa tiegħu magħha, kienet mill-isbaħ, qatt ma basret li barrani kien sa jilqagħha u jkellimha u aktar u aktar jagħtiha x’tixrob l-ilma tal-ħajja. Iżda dan kien għadu biss il-bidu, waqt li din il-mara kienet medhija tisimgħu jitkellem, il-Kelma tiegħu wasslitha biex tifhem min hi bħala persuna u min hu bħala Alla. Dan kien il-mument veru tal-laqgħa bejn din il-mara u Alla l-imbierek. Kienet laqgħa, li hi ma setgħetx tfisser sewwa, imma fl-istess ħin, laqgħa li wasslitha biex tara u tirċievi rivelazzjoni mill-isbaħ, li Alla jfittex nies li huma ħielsa biex jadurawh fl-Ispirtu u l-verità. Propju f’dan il-waqt il-mara nħelset mill-jasar ta’ ħajjitha u bdiet tgħix bil-ħelsien tal-Ispirtu li taha Ġesù: l-uniku ħelsien li tabilħaqq jaqta’ l-għatx tal-ħajja, għaliex hu kollu kemm hu mimli bl-imħabba ta’ Alla għalina. Għeżież, ma nitilfux aktar żmien, u jekk illum smajna leħen il-Mulej ma nwebbsux qalbna, għax ħlief barka u ħajja ma jridx jagħtina.