It-3 Ħadd tar-Randan Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-3 Ħadd tar-Randan Ċ
IL-MULEJ JISTENNA BIS-SABAR
 
Is-silta tal-lum turina li l-Mulej huwa salvatur. Xogħlu hu li jsalva mhux li jeqred, li jagħti l-ħajja mhux il-mewt. B’xorti ħażina f’moħħ ħafna nies għadha sserrep l-idea li Alla hu dak l-imħallef jew it-tirann bla qalb li jinsab dejjem għassa għalina biex mal-anqas żball li nagħmlu jibagħtilna xi kastig. Anki l-Lhud li staqsew lil Ġesù dwar il-Galilej li għaddew minn dik id-diżgrazzja fi żmien Ponzju Pilatu hekk kienu jaħsbu. Iżda min jaħseb hekk jinsa li Alla huwa Mħabba, li Alla hu l-Ħanin, il-Mulej tal-Ħniena. Alla jrid li kulħadd isalva u jidħol fi mħabbtu, għalhekk joqgħod jistenna b’sabar kbir li l-midneb idur lejh, li jerġa’ lura minn triqatu u jaqbad it-triq tal-imħabba ta’ Alla. Hu jaf jistenna fit-tul u b’sabar kbir, tant li kultant jista’ jagħtina l-impressjoni li mhux qiegħed hemm. Iżda hu hemm qiegħed u fis-skiet tiegħu jaf ukoll jagħmel il-mirakli meta jkun hemm bżonnhom. Il-Vanġelu jurina li d-diżgrazzji jsiru għal raġunijiet differenti, li l-biċċa l-kbira minnhom jiddependu min-natura jew mill-bnedmin, imma qatt ma jsiru biex bihom Alla jikkastiga lill-bnedmin, għax Alla huwa Mħabba u l-imħabba tiegħu hija infinita.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content