It-3 Ħadd tar-Randan - Sena Ċ
QUDDIEM ID-DIŻGRAZZJI
“Ġesù huwa konxju mill-mentalità superstizzjuża ta’ dawk li kienu qed jisimgħuh, u jaf li huma, il-ġrajjiet jinterpretawhom b’mod żbaljat ...
Ġesù jirrifjuta għal kollox din l-interpretazzjoni, għax Alla ma jippermettix it-traġedji biex jikkastiga l-ħtijiet, u jafferma li dawk l-imsejkna vittmi ma kienux agħar minn ħaddieħor. Infatti, Ġesù jagħmel stedina biex minn dawk il-fatti ta’ niket tinstilet twissija li tolqot lil kulħadd, għax aħna lkoll midinbin.”
PAPA FRANĠISKU, Angelus, 28 ta' Frar 2016
- Meta nisma’ b’xi diżgrazzja xi tkun ir-reazzjoni tiegħi?
- Nieħu l-okkażjoni biex naħseb dwar il-fraġilità umana u allura tiegħi wkoll?
X’ħabta għandna, Mulej,
li d-diżgrazzji li jiġru fid-dinja
nħarsu lejhom bħala kastig min-naħa tiegħek!
Kemm inkunu pronti
nwasslu lilna nfusna għall-konklużjoni
li l-vittmi tat-traġedji huma nies ħżiena!
X’faqar min-naħa tagħna
biex nirriduċu lilek għax-xbieha tagħna! X’arroganza min-naħa tagħna
biex nixxalaw noqogħdu fuq is-siġġu tal-ġudizzju!
X’ipokrisija min-naħa tagħna
biex nippożaw li aħna tajbin!
Aħfrilna, Mulej, u agħmilna persuni li nammettu fil-fond ta’ qalbna
li s-sejħa għall-konverżjoni
Inti tagħmilha lilna wkoll.