It-3 Ħadd tar-Randan - Sena Ċ
MINN ALLA LI GĦANDNA F'MOĦĦNA, GĦAL ALLA TA’ ĠESÙ KRISTU
Nindmu jfisser nibdlu l-mentalità, nerġgħu niddefinixxu ħsiebna u nibdew mill-Vanġelu. U l-ewwel tibdila li rridu nagħmlu, l-aktar waħda diffiċli, hi dik li ngħaddu minn Alla li għandna f’moħħna għal Alla ta’ Ġesù Kristu.
“X’għamilt ħażin biex kien ħaqqni dan?!”, “X’salib bagħatli Alla!”: kemm-il darba smajt dan it-tgergir, dan it-tgemgim għal Alla. Jekk Alla hu tajjeb, għaliex jippermetti l-ħażen? Ġesù, filwaqt li jsemmi żewġ ġrajjiet li seħħu fi żmienu, iżarma t-twemmin popolari li għadu mxerred ħafna sal-lum. Devot medju kien jaħseb li d-diżgrazzji, bħall-waqgħa tat-torri ta’ Silwaħ, kienu jsiru biex jieħdu l-kastig xi nies li b’xi mod għamlu xi dnubiet kbar tal-biża’. Ħafna nies, f’waqtiet ta’ niket u tbatija, jeħduha ma’ Alla għax jaħsbu li ma jafx jagħmel xogħlu. Dak li jgħid Ġesù jgħaġġibna: il-ħajja għandha l-loġika tagħha, il-libertà tagħha. Ir-raġuni tal-waqgħa tat-torri ta’ Silwaħ kien żball fil-kalkolu tal-istrutturi, jew għax intuża materjal skadenti biex min jaħdem jiffranka l-flus; l-intervent kiefer tar-Rumani huwa r-raġuni tal-politika espansjonista li kellhom, li kienu jużaw il-vjolenza bħala strument ta’ oppressjoni. Qatt ma jkun hemm intervent dirett u puntwali ta’ Alla, il-ħwejjeġ materjali għandhom l-awtonomija tagħhom u aħna nistgħu nkunu nafu l-liġijiet fiżiċi kif jaħdmu. Ġesù jerġa’ jwaqqaf ir-responsabbiltajiet: it-taqsima l-kbira tan-niket li jiġi fuqna noħolquh aħna nfusna.