It-3 Ħadd tar-Randan Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-3 Ħadd tar-Randan - Sena Ċ

“IS-SENA D-DIEĦLA GĦANDHA MNEJN TAGĦMEL IL-FROTT”

Ir-Randan huwa dejjem sejħa għallkonverżjoni, żmien li fih nirriflettu aktar mis-soltu dwar it-tbatija, il-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej u wkoll dwar sehemna f ’dan kollu permezz tad-dnub. Imma r-Randan huwa wkoll żmien ta’ tama li fih nagħrfu li minkejja l-fallimenti u d-dnubiet tagħna, il-mewt u
l-qawmien ta’ Ġesù seħħew proprju għalina: ħa l-post li kien jistħoqq lilna fuq is-salib biex miegħu u bħalu nkunu nistgħu nirxuxtaw f ’ħajja ġdida.

Minkejja dan, sikwit ninterpretaw is-sejħat għall-konverżjoni u l-indiema li jagħmlilna l-Mulej stess (u l-Knisja miegħu) bħal donnhom b’xi mod imorru kontra l-ħniena tiegħu. Diversi nies jifhmu ħażin il-kunċett tal-ħniena: qisha tħassar il-ħażen, hekk li xejn ma jibqa’ dnub. Dan huwa żball: il-ħniena hija meħtieġa sewwasew minħabba l-eżistenza taddnub. Kieku m’hemmx dnub, m’hemmx bżonn ħniena u maħfra!

Jixraq għalhekk li f ’dan it-Tielet Ħadd tar-Randan nilqgħu s-sejħa għall-konverżjoni li jagħmel il-Mulej fil-Vanġelu tal-lum. Imma l-ewwel u qabel kollox il-Mulej Ġesù jiċċara żball li kien preżenti ħafna fost in-nies ta’ żmienu (u b’xorti ħażina fostna wkoll): dak li jaraw it-tbatija bħala kastig immedjat għad-dnub personali.

Meta d-dixxipli jsemmulu żewġ diżgrazzji li ħallew numru ta’ nies mejta, Ġesù jitkellem ċar: jgħidilhom li dan ma jfissirx li dawk in-nies kienu midinbin aktar minn ħaddieħor. Fl-istess ħin, madankollu, juża dawn il-ġrajjiet bħala sejħa għall-indiema, “għax jekk ma tindmux tintilfu xorta waħda.” Anzi, nistgħu nsofru mewt agħar minn dik tal-vittmi, għax filwaqt li dawk mietu fil-ġisem, min jippersisti fid-dnub imut fir-ruħ.

U hawnhekk tidħol il-ħniena meraviljuża ta’ Ġesù permezz ta’ parabbola minn tiegħu dwar sid ta’ għalqa li jixtieq jaqla’ siġra tat-tin li għal numru ta’ snin ma radditlux frott. Il-qaddej li jaħdimlu l-għalqa huwa Ġesù stess: jitlob lis-sinjur sena ċans biex jagħtiha kura aktar mis-soltu: iwiegħed li sa jagħżaq madwarha u jdemmilha. Jekk ma tagħmilx frott wara dan kollu, is-sinjur jista’ jaqlagħha.

Dan ir-Randan f ’nofs is-Sena tal-Ħniena jista’ jkun din is-sena ta’ grazzja li fiha l-Mulej jagħżaq madwarna biex jeħlisna mid-drawwiet li jxekklu l-mixja spiritwali tagħna. Imbagħad isaqqina bid-Demm tiegħu stess u jsostnina bil-Kelma tiegħu u s-Sagramenti. Wara dan, jistenna l-frott.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content