It-3 Ħadd tal-Għid sena B
Hija silta oħra, did-darba meħuda minn San Luqa, li turina li l-Appostli huma xhieda li raw b’għajnejhom u messew b’idejhom lill-Mulej Ġesù wara li qam mill-mewt u deher quddiemhom. San Luqa jurina wkoll kemm l-Appostli kienu tqal biex jemmnu li Kristu qam tabilħaqq. Għad li mtlew bil-ferħ xħin rawh, “kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba.” B’dan l-episodju l-Evanġelista jrid juri kif il-mewt vera u l-qawmien veru ta’ Ġesù huma l-qofol tat-twemmin Nisrani. L-Appostli kellhom ikunu xhieda ta’ dan u jwasslu u jġeddu l-maħfra ta’ Alla fost il-ġnus. Biex jissaħħu l-Mulej wegħedhom li “jibgħat fuqhom lil dak li wiegħed Missieru” jiġifieri l-Ispirtu s-Santu. Meta jinżel hu fuqhom huma jifhmu kollox b’mod perfett.