It-3 Ħadd tal-Għid sena B
IL-GRAZZJA TA' ALLA HI L-UNIKA TAMA TAGĦNA
Id-dehra tal-Mulej irxoxt f’nofs id-dixxipli tqajjem sentiment wieħed kontra l-ieħor. Luqa jgħidilna li fil-bidu d-dixxipli «twerwru bil-biża’» u għalhekk ma seħħilhomx jemmnu li kien il-Mulej. Versett aktar ’il quddiem jagħder in-nuqqas ta’ twemmin minħabba l-ferħ u l-għaġeb kbir tagħhom. Sewwasew f’dan il-kuntest interessanti hi l-pedagoġija li mexa biha l-Mulej. L-ewwel nett talabhom jiekol, reġa’ fakkar lid-dixxipli fl-umanità tiegħu. Imbagħad qasam il-kelma, fetaħ is-siġill tal-Iskrittura u wera li hi titkellem dwar il-mewt u l-qawmien tiegħu. Nitolbu biex fil-kmamar tan-nuqqas ta’ twemmin tagħna jidher l-Irxoxt bħalma għamel mad-dixxipli. Inti biss iseħħlek turi l-qawmien li jkisser il-ktajjen tal-mewt. Inti biss tista’ tiftaħ is-siġill mudlam tal-Iskrittura bid-dawl ta’ wiċċek. Ejja, Mulej, tħalliniex nistennew, ħabbtilna bibienna, infed ħitanna, dawlilna għajnejna, rattbilna qlubna. Hi biss il-grazzja tiegħek li tista’ tagħmilna x-xhieda li trid int.