It-3 Ħadd tal-Għid Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-3 Ħadd tal-Għid Ċ
SETGĦA MIBNIJA FUQ L-IMĦABBA U L-QADI
 
Ġwanni jgħid li din kienet it-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli tiegħu wara li qam mill-mewt. Bħal kull silta oħra mill-Vanġelu ta’ San Ġwann, din ukoll hi mimlija bis-simboli. L-ewwel ma ninnutaw hu li dan il-grupp ta’ dixxipli bħal donnhom irtiraw fil-Galilija b’qalbhom maqtugħa għall-ħajja ta’ qabel is-sejħa. Imma Ġesù kien qiegħed hemm jistenniehom biex ifakkarhom li issa fihom hemm xi ħaġa differenti minn qabel. Huma issa kellhom id-dmir li jħallu l-Mulej imexxi d-dgħajsa tagħhom, li hi l-Knisja, biex flok ħut jibdew jaqbdu l-bnedmin. Waħedhom ma qabdu xejn, imma bih qabdu, minn fuq il-lemin, 153 ħuta kbira: l-ispeċi kollha tal-ħut li kienu jafu bihom sa dak iż-żmien, jiġifieri l-bnedmin kollha bla eċċezzjoni. Dan ifisser il-kliem: “Nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin” (ara Mt 4:19; Mk 1:17; Lq 5:10). Fit-tieni taqsima tas-silta għandna l-investitura ta’ Pietru bħala mexxej u ragħaj tal-poplu l-ġdid ta’ Alla. Din is-setgħa ta’ Pietru għandha bħala sisien tagħha l-imħabba u l-qadi. Għal tliet darbiet: “Tħobbni?” “Irgħa l-ħrief u n-nagħaġ tiegħi.” U mat-tielet darba Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax ftakar fit-tliet darbiet li ċaħad lill-Imgħallem. Hawn Pietru bl-istqarrija ta’ mħabbtu qed iħoll it-tliet għoqiedi li rabat biċ-ċaħdiet tiegħu. U minnufih l-Imgħallem iżeffinlu fin-nofs il-martirju, għax hu kien jaf b’liema mewta Pietru kien sa jagħti glorja ’l Alla. Dan ifisser il-kliem “Ejja warajja”, li llum Ġesù qed jgħidu lilna wkoll. Nimxu warajh u b’ħajjitna nagħtu xhieda ta’ mħabbitna lejh.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content