It-3 Ħadd tal-Għid Ċ
‘TĦOBBNI INT?’
Fis-silta li jagħtina San Ġwann illum mill-Evanġelju tiegħu (21:1-19) naraw il-qabda mirakuluża tal-ħut u l-laqgħa ta’ Ġesù ma’ Pietru. Ġesù Rxoxt jerġa’ jidher lil grupp ta’ Appostli li kienu sajjieda. Pietru, flimkien ma’ oħrajn, joħroġ u jagħmel lejl jistad imma mingħajr suċċess. Id-disfatta tikkuntrasta mas-suċċess li ġie wara b’ordni tal-Imgħallem, meta x-xibka kienet sa tinqasam bil-qabda ta’ ħut.Ġesù jieħu l-inizjattiva biex għal darb’oħra jitma’ lil ħbiebu bil-ħut frisk. Huwa jurihom kemm tabilħaqq jimpurtah minnhom meta jaħsbilhom ukoll għall-ikel materjali. L-istagħġib tal-Appostli jinbidel fil-ferħ tal-ikla ħut flimkien mal-Imgħallem.
Wara l-miraklu tal-ħut għandna l-laqgħa ma’ Pietru. Ġesù jerga’ juri l-fiduċja tiegħu f ’Pietru, anki jekk dan ċaħdu tliet darbiet. U għal tliet darbiet Ġesù jistaqsi lil Pietru: ‘Tħobbni Int?’ Pietru b’qalbu miġruħa jiftakar fl-iżball tiegħu, fid-dgħufija umana, fil-fraġilità tal-bniedem, imma wkoll fid-determinazzjoni, fil-kuraġġ, u fit-tmexxija li fdalu l-Imgħallem f ’idejh. Għal tliet darbiet Pietru, il-kap tal-Knisja, jafferma l-imħabba kbira tiegħu f’Ġesù. L-Imgħallem jifhem x’hemm moħbi fil-qalb ta’ Pietru u ta’ kull bniedem u jerġa’ jagħmel stedina ġdida billi jgħid: ‘Ejja warajja’. Hija stedina li teħtieġ tweġiba u Pietru jerġa’ jgħidlu IVA ta’ raġel meta ’l quddiem jagħti ħajtu għalih.
Fil-karattru ta’ Pietru rridu naraw lilna nfusna. Bħal Pietru, aħna ta’ bnedmin li aħna, mhux l-ewwel darba li niċħdu lill-Imgħallem tagħna. Aħna niċħduh meta nagħżlu affarijiet li jeħdulu postu f’ħajjitna. Aħna mhux dejjem nagħtu lill-Mulej il-qima li tistħoqqlu, imma f ’ħajjitna jidħlu allat oħra b’tali mod li hu jibqa’ barra. Ħafna drabi nkunu rridu nidhru sbieħ quddiem in-nies billi nagħmlu kompromess jew inwarrbu l-valuri li tana l-Imgħallem. Imma l-Mulej għandu paċenzja infinita magħna, jaf minn xiex aħna magħġuna, jaf li aħna bħal vażuni tal-fuħħar li malajr jitfarrku, u jaf ukoll li għandna bżonn min jagħdirna.
Kif Ġesù resaq fuq Pietru, hekk hu jersaq lejna. Huwa jerġa’ jagħmlilna l-istess mistoqsija li għamel lill-kap tal-Knisja: ‘Tħobbni Int?’ U aħna x’sa nweġbuh? Huwa jrid tweġiba mingħandna. Irid l-IVA tagħna bħal ta’ Pietru, b’qalb ġeneruża mimlija mħabba, filwaqt li għal darb’oħra jerġa’ jtennilna: ‘Ejja warajja.’