It-3 Ħadd tal-Għid Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-3 Ħadd tal-Għid - Sena Ċ
“SEJJER NISTAD”

Il-Vanġelu tal-lum jibda b’xena sempliċi, meħuda mill-ħajja ta’ kuljum: grupp ta’ ħbieb jistadu. Imma f ’din ix-xena komuni f ’daqqa waħda tidħol il-glorja ta’ Alla, bħal merżuq dawl qawwi li jinfed is-sħab.

Il-ġrajja sseħħ fil-jiem wara l-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet. Id-dixxipli jerġgħu lejn il-Galilija (forsi ħassew li f ’Ġerusalemm kien għad hemm wisq tensjoni wara l-mewt ta’ Ġesù); dil-“ħarba” ġġib magħha t-tentazzjoni li jerġgħu lura għall-ħajja “normali” tagħhom. Pietru jgħidilhom li sejjer jistad, u sħabu jingħaqdu miegħu.

Għalina, bnedmin moderni, xewqa li tmur tistad hija innoċenti u sempliċi. Iżda fi żmien Ġesù ma kinux jistadu għad-delizzju jew għall-gost; is-sajd kien xogħol. F’dan id-dawl, ix-xewqa ta’ Pietru li jmur jistad nistgħu nqisuha bħala xewqa għan-normalità, għall-ħajja li kellu qabel.

Forsi Pietru xtaq jerġa’ lura għal sitwazzjoni fejn ikollu kontroll; mhux bħal f ’Ġerusalemm, il-belt il-kbira, fejn hu u sħabu kienu qishom mitlufin, imbeżżgħin, f ’periklu għax ħbieb ta’ Ġesù. Hawnhekk, fuq l-għadira tal-Galilija, id-dgħajsa titbandal taħtu u x-xibka f’idejh donnhom joffrulu farka kontroll.

Nafu li Pietru kien għadu wkoll miġruħ minħabba dak li kien ġara lejlet il-mewt ta’ Ġesù, meta f’mument ta’ biża’ u paniku ċaħad lil dak li proprju ftit minuti qabel kien ħalef li lest imur miegħu sal-mewt.

Kienet x’kienet il-motivazzjoni tiegħu, fl-għażla ta’ Pietru li jerġa’ jsir sajjied nistgħu naraw ċaħda (diretta jew indiretta) tal-missjoni li kien fdalu l-Mulej: “Minn issa ’l quddiem tibda tistad mhux ħut, iżda bnedmin.” Forsi rraġuna li għall-anqas il-ħut ma jsallbukx, mhux bħall-bnedmin!

U hawnhekk jidħol il-Mulej li b’mod mirakoluż ifakkar lil Pietru f’dik l-ewwel laqgħa tagħhom. Jirrepeti, kważi pass pass, dak l-istess miraklu li kien ġiegħel lil Pietru jinżel għarkupptejh u jgħidlu: “Tbiegħed minni Mulej għax jien midneb.” Minn fuq ix-xatt, f’sekonda, Ġesù jaqbad aktar ħut milli qabdu huma f’lejl sħiħ.

Il-miraklu tas-sajda mirakoluża jerġa’ jkollu l-istess effett fuq Pietru u sħabu: ifakkarhom fi kliem Ġesù: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” u jiftħilhom għajnejhom għas-sejħa reali tagħhom: li flimkien miegħu jaħdmu biex isalvaw id-dinja.

Kull bniedem – hi x’inhi s-sejħa tiegħu – jgħaddi mill-esperjenza tal-falliment, fejn minħabba l-biża’ jew il-qtigħ ta’ qalb ikollu nostalġija għall-imgħoddi. Iżda jekk ikollna għajnejna miftuħin, malajr nintebħu li hemm Ġesù fuq ix-xatt, lest biex għal darb’oħra jaqleb ħajjitna ta’ taħt fuq.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content