It-3 Ħadd tal-Għid - Sena Ċ
L-IMĦABBA: IN-NAR TAL-MULEJ
L-imħabba, tgħid l-Għanja tal-Għanjiet, hija nar tal-Mulej (ara Għanja 8:6). Huwa nar li jkebbes, idawwal u jsaħħan eżistenza mitfija u kiesħa. L-imħabba tista’ tintefa bil-ksieħ tat-tradiment li jġib miegħu kesħa ta’ rimors, sensi ta’ ħtija u ta’ inadegwatezza u ta’ ħarba minnek innifsek, u għalhekk ukoll ħarba mill-ieħor. Dan hu li ġara lil Pietru. Hu jaħrab u jerġa’ lejn “Pietru l-qadim”, lejn mod li ma kien ikun xejn żbaljat kieku Ġesù ma tahx identità ġdida, dik ta’ sajjied tal-bnedmin, dik tal-blata li fuqha kien qed jibni l-Knisja tiegħu. Pietru jċedi, Ġesù le! Il-Mulej ifittex il-magħżul tiegħu, jerġa’ jżur il-ġrieħi tan-nuqqas ta’ fedeltà ta’ Pietru bin-nar tal-imħabba, mhux biex iċekknu, iżda biex jgħollih. Hu biss meta nħobbu li nkunu lħaqna l-għoli tagħna nfusna. U l-fejqan jilħaq l-ogħla quċċata bil-fedeltà tal-għaġeb ta’ Alla li jirbaħna għalih billi jafda fina bla qjies.