It-3 Ħadd tal-Avvent A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-3 Ħadd tal-Avvent - Sena A
IS-SINJALI MESSJANIĊI
Fr Edmund Teuma

Ġwanni ried jaċċerta ruħu jekk Ġesù kienx dak li kellu jiġi u bagħat jistaqsih. It-tweġiba ta’ Ġesù kienet lista ta’ dawk li jissejħu “sinjali messjaniċi”. Dawn huma dawk l-għemejjel kollha li kellu jagħmel il-Messija meta jiġi biex bihom juri li hu l-Messija tabilħaqq. Dawn huma: “l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u l-Vanġelu jixxandar lill-foqra.” Dawn l-għemejjel kollha għamilhom Ġesù u bihom wera biċ-ċar li hu l-Messija. Dawn is-sinjali għandhom tifsira doppja: materjali u spiritwali. Il-fejqan li jagħti Ġesù mhuwiex biss fejqan materjali iżda fuq kollox spiritwali: hu jagħti d-dawl tal-fidi u jaħfer u jneħħi d-dnubiet. Il-foqra li lilhom ixxandret il-Bxara t-Tajba huma fuq kollox il-foqra fl-ispirtu, li għad li d-dinja twarrabhom, huma jibqgħu fidili lejn Alla u marbutin mar-rieda tiegħu. F’din is-silta Ġesù jinfexx ifaħħar bil-kbir lil Ġwanni l-Għammied u jgħid li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minnu. “B’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu.” Dan ifisser li min jilqa’ lil Ġesù (= is-Saltna) bil-fidi u bla ma jagħmillu mistoqsijiet li juru dubju, hu ħafna akbar minn Ġwanni.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content