It-3 Ħadd tal-Avvent - Sena A
ALLA DEJJEM DIFFERENTI MINN KIF NISTĦAJLUH AĦNA
Dak Ġwanni li jinsab quddiemna llum hu wisq differenti minn dak eżaltat u ġellied tal-ġimgħa li għaddiet. Issa Ġwanni jinsab fil-ħabs, imħawwad u dubjuż. L-aħbarijiet li jaslulu mid-dixxipli tiegħu jnikktuh.
Il-Messija mhux qed iġib ruħu bħalu, ma jisfidax lin-nies bil-qawwa, joqgħod lura u jidher ta’ nofs kedda. Ġwanni kien jhedded bil-vendetta ta’ Alla, bin-nar li jibla’ kollox. Iżda Ġesù joffri maħfra bla kundizzjoni, jaħfer id-dnubiet, ma jheddidx lanqas ma jpattiha, jgħid li dak in-nar jixtieq ikebbsu hu, iżda billi jibda mill-imħabba mhux mill-biża’. Hu wisq differenti dal-Messija mill-Messija mistenni minn Ġwanni u minn Israel, differenti ħafna. Alla jmur lil hinn, hu dejjem differenti ħafna minn kif nistħajluh aħna. Anki dawk in-nies, li bħal Ġwanni, jgħixu l-fidi mill-għeruq, jissugraw li jsawru Alla fuq ix-xbieha u x-xebh tagħhom. Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor? Intom mimlijin bid-dubji? Anki l-akbar fost dawk li twieldu min-nisa, l-aħħar wieħed tal-profeti, kellu ħafna dubji. U Ġesù ma jagħtix tweġiba lid-dixxipli tal-Għammied. Mhux Alla li għandu juri xi ħaġa, hu jien li rrid ninbidel u nintebaħ. Ġesù jagħmel lista tas-sinjali messjaniċi li pprofetizza Isaija u jgħidlu: “Ħares madwarek, Ġann.” Ħares, Ġwanni, u ilmaħ is-sinjali tar-rebħa siekta tal-miġja tal-Messija.