It-3 Ħadd tal-Avvent A
‘NISTAQSU’
Il-qawl Malti jgħid: il-mistoqsija hija oħt il-għerf, u bir-raġun, għax il-ħaġa li fost l-oħrajn tiddistingwi lill-bniedem minn ħlejjaq oħra hija l-ħila li jistaqsi. Minn żmien meta l-bniedem irċieva l-ħila intellettwali li jaħseb u jirraġuna, ma waqafx jistaqsi mistoqsijiet fuq dak kollu li jeżisti madwaru u fuqu nnifsu. Id-diversi xjenzi huma xhieda tal-moħħ inkredibbli li aħna bħala bnedmin imżejnin bih. Il-bniedem ifittex l-għerf biex jifhem aktar l-iskop li għalih qiegħed jeżisti fuq l-art. Mistoqsija wara l-oħra għenet biex tinbena bibljoteka ta’ għerf li tgħin lill-bniedem jaffaċċja l-ħajja tiegħu fuq l-art. Il-bniedem, mill-bidu tiegħu sal-lum għadu jistaqsi fuq għexieren ta’ suġġetti li jolqtu lilu u lill-ispeċi tiegħu. Huwa wkoll jistaqsi fuq ir-reliġjon għax minnu nnifsu huwa Homo religiosus, bniedem religjuż.
Fl-Evanġelju tal-lum, meħud minn San Mattew (11:2-11), insibu lil Ġwanni l-Battista, l-aħħar profeta u dak li ġie jħejji t-triq, qiegħed il-ħabs, u jibgħat jistaqsi lil Ġesù: ‘Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?’ F’dinja li fiha kollox jinħass fluwidu u qisu xejn ma hu stabbli malajr nagħmlu bħal Ġwanni l-Battista u nistaqsu fuq dak li qed jiġri madwarna u forsi anki xi kultant staqsejna lill-Mulej: Int fejn qiegħed? Għadek hemm jew tlaqtna u mort ’il bogħod minna? Għad għandek interess fina? Wara kollox għadek fostna? Hija karba li nsibuha kemm-il darba fost il-Poplu ta’ Alla meta kien jiġi daru mal-ħajt u jħossu waħdu quddiem l-isfidi tal-ħajja. Kienet il-karba ta’ miljuni ta’ Lhud fit-Tieni Gwerra Dinjija meta għaddew mill-esperjenza tal-Olokawst u tilfu ħajjithom fil-fran tal-ġenn uman. Din hija mistoqsija normali li aħna ħafna drabi nagħmlu lill-Mulej meta nkunu għaddejjin mit-tiġrib.
U Ġesù jwieġeb lil Ġwanni l-Battista: ‘L-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, l-imġiddmin ifiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u l-Bxara t-Tajba titħabbar lill-fqar.’ Altru li l-Mulej mhux sa jitlaqna waħedna. Anki meta nħossuna abbandunati minn dawk ta’ madwarna, huwa qiegħed preżenti fil-ġewwieni tagħna. Bħal dik l-omm li tindokra b’għożża lil uliedha, hekk ukoll il-Mulej qatt mhu sa jabbandunana, għax anki jekk ma nħossuhx, hu jkun qiegħed hemm jistenniena nintebħu bilpreżenza tiegħu. U xhieda ta’ dan hija l-miġja tal-Iben ta’ Alla fid-dinja u fina. Żmien l-Avvent irid iservi mhux biss biex nistaqsu imma anki biex inħallu ’l-Mulej iweġibna u jfehemna bil-paċenzja il-misteri salvifiċi tiegħu. Mela ejjew nintelqu f’idejh u nħalluh ikellimna fil-kwiet.