It-3 Ħadd tal-Avvent - Sena Ċ
AGĦMEL DMIREK SĦIĦ ILLUM B'QALB MIFTUĦA GĦALL-INFINIT
It-tweġibiet tal-Għammied lin-nies li staqsewh x’għandhom jagħmlu f’ħajjithom huma sempliċi għall-aħħar. Jekk naraw sew, Ġwanni ma jagħmel xejn ħlief iqiegħed lin-nies quddiem id-dmirijiet ta’ ħajjithom. Ħafna nies jistaqsu: x’għandi nagħmel f’ħajti? X’inhi r-rieda ta’ Alla f’ħajti? U soltu jibdew jistħajlu li l-Mulej irid minnhom min jaf xiex. L-Għammied jistieden li wieħed jimxi fuq regola sempliċi u fundamentali ta’ għarfien: jekk trid tkun taf x’għandek tagħmel, itlaq minn dak li int. Int missier ta’ familja? L-ewwel ħaġa li għandek tagħmel hi li tkun missier tajjeb. Ir-rieda ta’ Alla ma tqegħdekx kontra d-dmirijiet tal-istat ta’ ħajtek. Int tagħmel il-ħobż? Qiegħed l-imħabba fil-ħobż li taħmi. Jekk il-Mulej isejjaħlek għal xi ħaġa oħra, dik is-sejħa ssir id-dmir tiegħek. Ġwanni fi kliem ieħor jgħidilna: agħmel dmirek sħiħ illum b’qalb miftuħa għall-Infinit. F’dan il-frak, bil-mod il-mod tibda tara Kollox.