It-3 Ħadd tal-Avvent - Sena Ċ
ĦNIENA, ĠUSTIZZJA, IMĦABBA
Fil-qari tal-liturġija tal-lum nerġgħu naraw lil Ġwanni l-Battista, imma mhux bħall-Ħadd li għadda, il-protagonista llum mhuwiex hu, imma l-poplu li qed jistaqsih: “Mela x’għandna nagħmlu?” Kienu jmorru għandu saħansitra l-pubblikani, meqjusa midinbin. Il-mistoqsija tagħhom kienet l-istess: “Aħna x’għandna nagħmlu?” Saħansitra s-suldati marru jistaqsuh.
Il-ħeġġa ta’ tant persuni, tkompli tikkonferma l-istennija li kellhom bosta. “Il-poplu kien qed jistenna ħerqan.” Minkejja li lil Ġesù kienu għadhom ma għarfuhx, u minkejja li l-mexxejja reliġjużi kienu għadhom ma lissnu xejn u ma dehru mkien fix-xena, madankollu bħal donnu li f’leħen il-poplu ġa beda jkun hemm ħjiel tal-leħen ta’ Alla.
Fi lsienna ngħidu li l-mistoqsija hija oħt il-għerf, u dan hu minnu għaliex il-bniedem li jistaqsi jkun intebaħ li għad fadallu x’jitgħallem u fiex jimxi ’l quddiem. Forsi kien għalhekk li l-għalliema u l-kittieba ma marrux huma wkoll. Aktarx ħasbu li kienu jafu kollox u li lilhom mhu sa jgħallimhom ħadd. Is-suppervja żżommna milli nikbru fl-għerf veru.
It-tweġiba li Ġwanni ta lil dawk li marru għandu tista’ tinġabar fi tliet kelmiet: “Ħniena, Ġustizzja, Imħabba.” Hija tweġiba li llum jista’ jagħtiha lis-soċjetà tagħna wkoll. Għaliex iddur fejn iddur, il-fidi tagħna, il-ħajja soċjali, l-umanità kollha jridu jinbnew fuq dan l-istess pedament? Kull silta tal-Evanġelju, kull parabbola, kull miraklu ta’ Ġesù kollha jwasslu fl-istess triq. L-imħabba ta’ Alla u l-imħabba tal-oħrajn. Anki s-sinjali ta’ żmienna juruna dan.
“U jiena, x’għandi nagħmel?” Din il-mistoqsija ġieli tagħmilha? U jekk iva, lil min qed tistaqsi?
Il-poplu fittex lil Ġwanni għax fih lemaħ bniedem ġenwin li għaraf lilu nnifsu u li qatt ma kellu aġenda personali moħbija. “Ġej wieħed aqwa minni li jiena lanqas jistħoqqli nħollu l-qfieli tal-qorq.”
Il-missjoni u l-ħidma li qed tagħmel mhumiex tiegħek, imma ta’ dak li bagħtek. Il-qasam li qed taħdem fih, saħansitra l-istess familja huma fdati lilek biex tieħu ħsienhom u tħarishom. Jekk tagħraf dan tasal ukoll li tistaqsi: “Mela jiena x’għandi nagħmel?”