It-3 Ħadd tal-Avvent - Sena Ċ
ĠWANNI JISTEDINNA BIEX NIFIRĦU U NGĦOLLU ’L FUQ RASNA
L-Avvent huwa żmien li fih jitqegħdu s-sisien ta’ ħajjitna u nħejju ruħna għal-laqgħa vera ma’ Ġesù. Dan kien ix-xogħol ta’ Ġwanni l-Battista f’dan l-Avvent: li jġegħelna nifhmu l-limiti tagħna, ngħajtulhom b’isimhom, u nħejju t-triq għal Mulej li ġej. Il-Battista jixtieq jagħtina dik il-predispożizzjoni t-tajba biex nilqgħu lill-Mulej li ġej. Illum f’din il-paġna, barra li jkompli jagħtina l-bażi tal-ħajja Nisranija, jgħidilna wkoll għaliex in-Nisrani għandu jkun ferħan. Dan it-tielet Ħadd tal-Avvent huwa l-Ħadd tal-ferħ Nisrani magħruf bħala “Dominica Gaudete”.
Tliet kateġoriji ta’ nies illum jersqu fuq il-Battista u jistaqsuh mistoqsija fundamentali fil-ħajja tan-Nisrani: “Aħna x’għandna nagħmlu?” Permezz ta’ dawn in-nies Ġwanni jkompli jagħtina l-pedament ta’ dik li għandha tkun il-ħajja tagħna fir-rabta tagħna ma’ Alla.
Fl-ewwel parir mogħti lin-nies komuni, Ġwanni jgħidilhom biex jaqsmu mal-oħrajn dak li rċevew b’xejn mingħand Alla. B’dan iħeġġeġ biex il-bniedem jiġġieled kontra l-eġoiżmu li jinsab fih u jpatti għalih permezz tal-qsim mal-oħrajn. Għalhekk l-ewwel pilastru huwa l-imħabba li tidher fil-qsim mal-oħrajn.
Permezz tal-pubblikani Ġwanni joħroġ biċ-ċar l-importanza tat-tieni pilastru li għandu jkollu n-Nisrani, jiġifieri l-onestà u s-sinċerità. Ma jixraqx li Nisrani jkun diżonest u qarrieq.
Lis-suldati u lilna Ġwanni jwassalna biex nagħrfu li l-awtorità ma tfissirx tgħakkes jew li tiddomina fuq l-oħrajn. It-tifsira vera ta’ awtorità u setgħa jgħallimhielna Alla meta jurina biċ-ċar li l-qawwa tiegħu tikkonsisti fil-ħila li jaqdi u jaħsel saqajn il-bniedem. Għalhekk il-qadi huwa dak li lin-Nisrani jagħmlu tabilħaqq xbieha ta’ Alla.
Quddiem dawn il-pariri li Ġwanni tana matul ż-żmien tal-Avvent, in-Nisrani jagħraf kemm għadu lura u kemm għadu jonqos u jiżbalja f’dak li huwa bażiku għall-ħajja Nisranija. Quddiem dan kollu Ġwanni jistedinna biex nifirħu u ngħollu rasna ’l fuq għax dak li ġej mhux sa jgħammidna bl-ilma biss kif għamel hu. Il-Magħmudija ta’ Ġwanni kienet tistieden biex wieħed jagħraf dnubietu u jindem minnhom. Iżda l-magħmudija tiegħu ma setgħetx taħfer, teħles lill-bniedem mid-dnub. Min-naħa l-oħra, dak li ġej jgħammed bl-Ispirtu s-Santu u n-nar, jiġifieri bil-qawwa ta’ Alla li hija l-Imħabba. B’din il-qawwa Alla mhux biss jaħfer iżda jinsa kull dnub jew nuqqas tagħna. Il-Mulej mhux ġej biex jeqred lill-midneb jew jaqtagħlu rasu, iżda ġej biex jeqred il-ħażen li jifni lill-bniedem. Dan ifisser li dak li ġej għandu l-midra f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu. Il-qamħ huwa l-bniedem, filwaqt li t-tiben mhuwiex il-bniedem ħażin, iżda l-ħażen. Dan hu li ġej jeqred fin-nar ta’ mħabbtu. Dak kollu li mhux imħabba għad jinħaraq fin-nar ta’ mħabbtu bħalma d-deheb jissaffa fin-nar u l-bniedem jinbidel fih.
Din il-kitba ssibha fil-ktieb: