It-3 Ħadd tal-Avvent - Sena Ċ
X'GĦANDNA NAGĦMLU AĦNA?
Aħna lkoll infittxu l-hena. Ħajjitna tinħela fit-tiftix bir-reqqa tal-ferħ u nistgħu nifhmu ħajjietna sewwasew mix-xewqa li għandna fina li ngħammru fil-hena.
Ġwanni jrid wisq, iebes bħalma l-profeti biss jafu jkunu. Xi ħadd, imbeżża’, resaq lejn il-profeta u staqsieh: X’għandna nagħmlu aħna? Hija l-mistoqsija li toħroġ minn qalbna meta nħarsu fuq ġewwa, meta nħallu s-skiet juri u jikxef l-għatx tagħna għall-ferħ u l-ġid. Ġwanni jwieġeb b’pariri sempliċi, li mal-ewwel daqqa ta’ għajn jidhru komuni, differenti ħafna mit-tweġibiet solenni li konna qed nistennew aħna, mill-għażliet radikali li stennejnieh ikellimna fuqhom: aqsmu, tisirqux, tissikkaw lil ħadd… Dan kollox? Nibqgħu mbellhin, diżappuntati. Lill-poplu talbu jaqsam ġidu ma’ min ma għandux, ma jħallix li l-fidi tkun biss talb u sħubija vaga, iżda li dil-fidi jgħixha, iħalliha tidher f’ħajtu u l-għażliet li jagħmel, biex ir-reliġjożità ma ssirx skiżoferenika. Lill-pubblikani, li kienu jiġbru t-taxxi u ħallelin, talabhom ikunu onesti, ma jitolbux flus żejda u jinħbew wara subgħajhom. Bħal meta l-professjonisti għas-servizz li jagħtu jitolbu flejjes kbar u jinsew il-ħajja iebsa li n-nies ikunu qed jgħixu. Lis-suldati, imdorrijin bil-vjolenza, Ġwanni talabhom irattbu għemilhom u jkunu aktar ġusti, u mhux jibqgħu jittrattaw lin-nies bil-kefrija. Ġwanni għandu raġun: mill-ħwejjeġ iż-żgħar nitgħallmu nilqgħu lin-nies bil-ħniena.