It-3 Ħadd tal-Avvent Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-3 Ħadd tal-Avvent - Sena Ċ

XI WĦUD JGĦIDU LI HUMA FERĦANIN... U INT?

 
Qatt waqaft taħseb x’inhu dak li jagħmlek l-aktar ferħan?
 
Forsi diffiċli nsibu tweġiba għal din il-mistoqsija għax ħafna drabi, il-ferħ neħduh for granted jew naħsbuh xi ħaġa maġika! Nifraħ skont il-burdata li nkun fiha, skont is-suċċessi, skont kemm jien stmat/a, kemm iċapċpuli...
 
Qed ngħixu fil-kultura tas-selfie... kultura li ġġegħelna naħsbu aktar fina nfusna u ftit li xejn naħsbu fl-oħrajn. Tajjeb jien, tajjeb kulħadd u jaħasra nippretendu li b’dan il-mod nistgħu nkunu ferħanin. Ftit li xejn forsi naħsbu li l-ferħ veru hu marbut mal-mod kif jien inġib ruħi mal-oħrajn.  
 
Hi ħaġa normali li fil-ħajja hemm ħafna xi jferraħna u allaħares le! Alla ried li l-bniedem ikun ferħan u għalhekk bagħat lil Ibnu, biex minkejja l-ġrajjiet ibsin ta’ tbatija, ta’ dnub, ta’ qtigħ il-qalb... ikollna fuq min induru biex nilqgħu l-aħbar it-tajba li tnissel ferħ fil-ħajja tagħna lkoll! Il-Liturġija tal-lum tistedinna nifirħu: Alla jżomm kelmtu... u għal darb’oħra qed ifakkarna li ‘Hu qorob’...jinsab viċin.
 
Fit-tieni qari, San Pawl iħeġġeġ lill-Insara: ‘Ifirħu dejjem fil-Mulej.’ Aħna rridu nkunu Nsara tal-qawmien – innisslu t-tama anki meta ma nifhmux biżżejjed dak li qed jiġri fina u madwarna.
 
Il-Vanġelu jagħtina mbuttatura biex inkomplu din il-mixja li bdejna...
 
Il-mistoqsija: ‘X’għandna nagħmlu?’ hi l-istess waħda li nagħmlu lilna nfusna u li fiha nsibu tweġiba ta’ kif nistgħu nibnu stil ta’ ħajja li jġib il-ferħ fil-ħajja tagħna u f’tal-oħrajn. Kif u meta?
 
-      Meta nkunu nies ta’ servizz, aktar qaddejja milli sidien, filwaqt li nistmaw id-dinjità tal-persuna;
-      Meta nuru ħniena u mogħdrija mad-dgħajjef... ma nkunux ibsin u riġidi fl-attitudni tagħna;
-      Meta nqisu l-bżonnijiet ta’ ħaddieħor mhux moħħna biex inħaxxnu l-bwiet tagħna u ngħakksu lil min hu fqir!
     
Ġwanni jgħallimna... ma jħallix rasu tikber għax kiseb popolarità u kellu d-dixxipli tiegħu.  Jistqarr li hu ma kienx il-Messija... jagħmillu riklam tajjeb lil Ġesù, ma jbaxxihx anzi jikkonferma li: ‘’ġej wieħed li hu aqwa minni...’
 
Kemm aħna lesti li nċedu postna għall-oħrajn? Kemm, bħal Ġwanni, qed nuru l-ferħ li bih qalbu mtliet għall-miġja ta’ Ġesù?
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content