It-3 Ħadd matul is-sena B
L-IMĦABBA TAL-ĠENN
Il-mod kif San Mark iwassal l-ewwel kelmiet ta’ Ġesù għandu tifsira qawwija. Id-diskors ta’ Ġesù ma jibdiex bl-inizjattiva tal-bniedem – «indmu» – imma bl-inizjattiva ta’ Alla: «Is-Saltna ta’ Alla waslet.» Dawn jistgħu jidhru sfumaturi bla siwi, iżda mhumiex hekk. L-indiema tagħna mhijiex inizjattiva, imma tweġiba. Aħna u naraw lil Alla fil-qrib, l-imħabba tiegħu tal-ġenn, ix-xewqa kbira tiegħu li jiġi jiltaqa’ magħna u jagħtina l-ħajja vera, nitqanqlu u naslu għal bidla mill-qiegħ ta’ ħajjitna. L-indiema mhijiex biss għażla tajba li ssir, daqskemm hi tweġiba għal don, għad-Don: Ġesù Kristu. Ġesù jgħid ukoll: «Iż-żmien huwa mitmum», u l-Evanġelista jinqeda bl-avverbju taż-żmien «minnufih» darbtejn biex juri l-urġenza tas-sejħa ta’ Ġesù, u tal-fatt li d-dixxipli wieġbu minnufih għas-sejħa tal-Mulej. Meta Alla, li jgħix għal dejjem, jidħol fiż-żmien, meta jidħol f’ħajja ta’ bniedem, l-għażliet ma jistgħux jitħallew għall-għada jew għal xi darb’oħra. Jekk irridu niltaqgħu ma’ dak li jgħix għal dejjem f’ħajjitna, jeħtiġilna nfittxuh issa minnufih, fl-għażliet li aħna msejħin nagħmlu issa, fl-uċuħ li niltaqgħu magħhom illum.