It-3 Ħadd matul is-sena Ċ
IL-BXARA T-TAJBA LILL-FQAJRIN
Fid-daħla tal-Vanġelu tiegħu (1:1-4), San Luqa jiddedika l-kitba tiegħu lil xi ħadd “għażiż” bl-isem ta’ Teofilu. Dan seta’ kien xi dixxiplu ħabib tiegħu. Iżda
dan l-isem hu magħmul minn żewġ kelmiet bil-Grieg li jfissru “ħabib ta’ Alla” u nistgħu napplikawhom għal kull min irid iħobb lil Alla u jħares il-kmandamenti tiegħu. Fit-tieni taqsima tas-silta (4:14-21) jingħad li Ġesù kien jgħallem fis-sinagogi u kulħadd kien ifaħħru. Dan diġà hu sinjal messjaniku. Iżda s-silta li tawh biex jaqraha u jfissirha f’dak is-Sibt turi b’mod mill-aktar ċar x’inhuma dawn is-sinjali messjaniċi kif isemmihom il-profeta Isaija. Il-Messija hu l-bniedem ikkonsagrat mill-Mulej. Huwa dak li jħabbar il-maħfra lil min hu mjassar bid-dnub, iwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, dawk li jridu jisimgħu l-Kelma ta’ Alla, jagħti d-dawl lill-għomja, il-ħelsien lill-maħqurin u jniedi s-salvazzjoni tal-Mulej. Il-Vanġelu jgħid li dawn is-sinjali kollha dehru fil-persuna ta’ Ġesù Kristu.