It-28 Ħadd matul is-sena B
IL-BNIEDEM IRID JAGĦŻEL
Dak li mar jgħaġġel fuq Ġesù, niżel għarkupptejh quddiemu, u staqsieh x’għandu jagħmel biex jikseb il-ħajja ta’ dejjem kien bniedem li jemmen. Lil Ġesù sejjaħlu “tajjeb”, u Ġesù għarfu: la sejjaħlu “tajjeb” u tajjeb huwa Alla biss, mela dak kien jemmen f’Ġesù Messija, Bin Alla l-Ħaj. Hu kien iħares il-kmandamenti ta’ Alla u mar għand Ġesù biex mingħandu jfittex il-ħajja ta’ dejjem. Kien tabilħaqq bniedem ta’ fidi kbira. Iżda l-inkwiet beda meta dan fil-prattika kellu jagħżel. Lil min ried jaqdi sewwasew: lil Alla jew lill-flus? Kien għani. Kellu kollox. Imma dak li kellu qegħedlu għamad quddiem għajnejh u ma ħalliehx jagħżel tajjeb. Din hi l-ħajja tagħna li ngħidu li nemmnu. Il-fidi fit-teorija mhijiex biżżejjed. Irridu nagħmlu l-għażliet... u għażliet skont ir-rieda ta’ Alla. Silta oħra tal-Vanġelu tgħid: “Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus” (Mt 6:24). Il-kelma “flus” hawn tfisser “dak kollu li mhux Alla.” Ma nistgħux naqdu żewġ sidien.