It-28 Ħadd matul is-sena B
TAQSAM KOLLOK BIEX IKOLLOK KOLLOX
«Wieħed» mar jiġri, jixtieq jiltaqa’ ma’ Ġesù u meta seħħlu ntlaqat ukoll mis-seħer ta’ dik il-ħarsa profonda li tħobb u ssejjaħ għall-ħajja: «Mur bigħ kulma għandek u agħtih lill-foqra.» Quddiem dawn il-kelmiet ġie fi tmiemu l-entużjażmu ta’ dak il-bniedem, li ismu ma nafuhx. Hu tnikket għax ma kellux ħila jgħix il-kelma li sema’. In-niket dejjem joħroġ meta wieħed ma jseħħlux jgħix il-ħolma li jkollu ġewwa. L-Evanġelista Marku jgħidilna li dan il-bniedem kien «għani» u din donnha saret il-karta tal-identità tiegħu, li minnha Ġesù xtaq jeħilsu għax jekk trid tkun taf min int tabilħaqq jeħtieġ taqleb kollox ta’ taħt fuq u tqiegħed il-persuna qabel il-ħwejjeġ. L-għarfien tiegħek innifsek ma jseħħx f’dak li għandek, iżda fil-mod kif iġġib ruħek mal-oħrajn. Dak li jipproponi Ġesù mhuwiex il-faqar, imma il-qsim ma’ ħaddieħor! Il-mixi wara Ġesù mhuwiex kustjoni ta’ ċaħda, iżda ta’ ħelsien. Il-ferħ jinbet biss f’qalb ħielsa u mimlija b’rabtiet li jkattru l-ħajja! Hu għalhekk meħtieġ li taqsam kollox biex ikollok kollox, timxi fuq il-loġika tat-tkattir tal-qalb u ssib ruħek fil-kotra ma’ mija mill-aħwa, ommijiet u wlied.