It-28 Ħadd matul is-sena A
L-IKLA TAT-TIEĠ
Parabbola oħra “tas-Saltna”. Il-kelma “Saltna” ma għandniex nifhmu biha post iżda persuna – il-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazaret. Fl-istess stil tal-profeti tat-Testment il-Qadim, Ġesù jippreżenta s-salvazzjoni f’għamla ta’ ikla kbira. Fl-aħħar mill-aħħar anki l-Ewkaristija hija wkoll ikla. Għall-ikla li biha jagħti s-salvazzjoni, Alla stieden l-ewwel lill-poplu Lhudi, li minnu din is-salvazzjoni kellha tixtered fost il-ġnus kollha. Iżda l-mexxejja tal-Lhud u ħafna mill-poplu li segwewhom, ma laqgħux l-istedina u minflokhom Alla sejjaħ mill-ewwel lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Il-ġrajja ta’ dak li ma kienx liebes għall-festa f’dan il-kuntest ma tantx tagħmel sens għax kif jista’ wieħed ġej mit-triq ikun liebes għat-tieġ? Din aktarx hija silta minn xi parabbola oħra li ntilfet u sabet ruħha magħquda ma’ din. B’danakollu l-messaġġ xorta qiegħed hemm: mhux biżżejjed li wieħed jidħol membru tal-Knisja bil-Magħmudija, jeħtieġ li jgħix skont il-ħajja l-ġdida tal-Vanġelu li dan ikun irċieva f’dan is-sagrament tal-bidu tal-ħajja Nisranija.