It-28 Ħadd matul is-sena - Sena A
L-IMĦABBA TA' ALLA HI MĦABBA BLA QJIES
F’dawn l-aħħar Ħdud Ġesù qed jurina li Alla tagħna għandu qalb ta’ kobor bla qjies u li ssir dixxiplu tiegħu hu bħal tieħu sehem f’festa sabiħa ta’ tieġ.
Ir-rabbini ta’ żmien Ġesù sikwit kienu jitkellmu dwar il-ġnien tal-Għeden, post ta’ hena li fih in-nies tajba ta’ Israel kienu jimxu fis-sħubija ta’ Alla. Hija dehra straordinarja, li tnissel tama kbira, li turi l-ġmiel tal-festa. Ġesù, meta jitkellem dwar is-Saltna, ma jinqediex bix-xbieha ta’ sahra twila ta’ talb u lanqas ma jsemmi s-skiet awster ta’ kunvent, iżda jagħti idea ta’ festa, ta’ ikla. U mhux bħar-rabbini, ma jgħidx li dik l-ikla sa sseħħ fi tmiem iż-żminijiet iżda li hi ġà preżenti. Alla jistedinna għall-ferħ! Il-laqgħa ma’ Alla ta’ Ġesù hi bħal festa li marret tajjeb. Mhux dmir li jdejjaq. Mhux obbligu. Mhux penitenza biex niksbu l-Ġenna, li tingħata b’xejn. Mhux rabta li, kieku, ma nixtieqx nidħol fiha. Iżda festa kbira u sabiħa. Imma kif irriduċejnieha l-fidi, aħna l-Insara? Aħna wkoll qed nissugraw li din il-festa nidrawha, li naqgħu fir-rutina tal-fidi. Aħna wkoll qed nissugraw li narmu l-ħajja ġewwiena tagħna mit-tieqa, li ma nilbsux il-libsa l-bajda, li tgħarrafna bħala dixxipli. Ejjew ma naqgħux f’dan l-iżball kbir. Ejjew ma niċħdux l-hena.