It-28 Ħadd matul is-sena - Sena A
MISTIEDNA GĦAT-TIEĠ TAL-ĦARUF
Sa fejn naf jien, ftit huma dawk li jirċievu b’ferħ kbir invit għal tieġ, l-aktar nett meta dan ikun ġej mingħand dawk it-tip ta’ nies, tafhom u ma tafhomx, li jikkuntattjawk biss fil-ġrajjiet speċjali għalihom. Meta tirċievi invit għal tieġ ikollok toħroġ il-flus għar-rigal, tipprova ddaħħal żaqqek ’il ġewwa biex tidħol f’dik il-libsa jew f’dak il-ġlekk li tkun ilek ma tilbes għomor, u fl-aħħar nett trid tħejji ruħek biex tqatta’ xi ġurnata fi trattament ma’ ħafna nies li ma tafhomx, u titkellem b’interess fuq dak li qatt ma interessak... Għaliex mela dan is-Sultan għadab daqshekk għall-mistednin u saħansitra stenna li l-mistednin li hu daħħal mit-triq ikunu lebsin b’mod li jixraq lil festa ta’ tieġ? Jekk ma mmorrux lil hinn mit-tixbiha, il-parabbola ma nifhmuhiex. Aħna mistednin għat-tieġ tal-Mulej innifsu. Dan hu l-għan li għalih inħlaqna. Kull festa oħra – anki dik taż-żwiġijiet tagħna f’din il-ħajja – hija distrazzjoni li ma tħejjiniex għal din il-festa tat-tieġ tagħna mal-Ħallieq. Il-libsa tat-tieġ hija l-ħajja msoffija bil-koerenza, bil-prontezza, u fl-aħħar mill-aħħar, il-libsa maħsula fid-demm tal-Ħaruf, kif jgħid il-Ktieb tal-Apokalissi. Fi kliem ieħor, hu d-don tad-dinjità tat-tieġ li Kristu nnifsu jagħtihulna biex nilqgħuh. Huwa l-Għarus li jagħti d-dinjità u l-prontezza lil ruħek. Ejja għat-tieġ tal-Ħaruf.