It-28 Ħadd matul is-sena Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-28 Ħadd matul is-sena Ċ
TRID ĦAJJA SĦIĦA BIEX TFIQ MILL-ĠDIEM

Il-ġdiem huwa marda tal-biża’ u qerrieda, li biha l-ġisem jitħassar, hekk ukoll l-ispirtu u r-relazzjonijiet. Ir-rabbini kienu jgħidu li mġiddem kien bħal mejjet u seta’ biss iħassar lil min kien imissu. U l-ġdiem kien l-agħar kastig li Alla kien jagħti lill-midneb.

Huma għaxra. Għaxra huma s-swaba’ tal-id, in-numru għaxra f’Israel juri t-totalità. Aħna lkoll morda, ilkoll imġiddmin, ilkoll bil-ħtieġa. Mil-għaxra wieħed barrani, għadu, Samaritan. Iżda l-marda u l-uġigħ huma l-istess għal kull bniedem, mingħajr għażla ta’ reliġjon jew ta’ razza. It-tbatija hi u tibqa’ l-esperjenza l-aktar komuni tal-bniedem. Ġesù jgħidilhom imorru għand il-qassisin biex ifiqu. Kultant Ġesù jfejjaqna bin-nifs, jitlobna nibdew nimxu biex naraw ir-riżultati. Il-fejqan ma jiġix f’daqqa, jitlob mixja, li wieħed jintelaq fil-fiduċja; Alla ma jħobbhomx il-mirakli tal-għaġeb, jitlob dejjem l-għarfien, il-mixi, il-fiduċja, il-medjazzjoni. Trid ħajja sħiħa biex tfiq mill-ġdiem tad-dnub u tas-solitudni. L-għaxra jitilqu, u huma u mexjin, jintebħu li fiequ. Mistagħġbin u mħawdin, l-imġiddmin imfejqin jagħmlu dak li talabhom Ġesù u jmorru għand il-qassis. Barra wieħed, dak li ma għandux tempju, li ma għandux qassisin, ma għandux reliġjon uffiċjali. Ma jafx fejn jaqbad imur is-Samaritan u jerġa’ lura. It-tempju tiegħu, fuq l-għolja Garizim, inqered mitt sena qabel sewwasew mil-Lhud. Ma għandux tempju fejn imur. Jerġa’ lejn it-Tempju.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content