It-23 Ħadd matul is-sena - Sena A
ID-DNUB U L-ĦAŻEN
Illum il-Kelma tixħet merżuq dawl fuq żewġ aspetti importanti fil-ħajja ta’ min jemmen: il-maħfra u l-korrezzjoni bejn l-aħwa. Kemm ninsabu ’l bogħod mill-Vanġelu!
Ħlejna sekli sħaħ naraw id-dnub kullimkien, flejnieh, studjajnieh, qsamnieh, kif nistgħu ngħidu li d-dnub ma nafuhx fil-fond? Din hija viżjoni sempliċistika li biha nirriskjaw, kif fil-fatt ġara, li noħolqu effett li jiġġebbed bħal-lastiku: tant konna moħħna fid-dnub fl-imgħoddi, li llum b’reazzjoni ħadd ma jqis li dak li jagħmel hu dnub. Soċjetà mhux edukata għal-libertà ssir soċjetà anarkika, li tfittex il-libertà biex iġġarrab kull għamla ta’ emozzjoni, li ssawwar il-kuxjenza tal-individwu l-kejl waħdieni tal-ġudizzju. Ħafna għadhom jaħsbu li att ikun dnub għax hekk stabbilixxa Alla. Dan hu żball: fil-Bibbja jingħad li d-dnub hu ħażin għax jagħmel il-ħażen. Il-bniedem, ħieles b’mod mill-aktar straordinarju, jiriċievi mingħand Alla kuxjenza u Kelma biex biha jimxi lejn il-ħajja. Il-bniedem, huwa u jinqeda ħażin bil-libertà tiegħu, jidħol fil-post ta’ Alla, u jirriskja li jagħmel ġesti li jwassluh għall-qerrda. Id-dnub mhuwiex offiża lejn Alla iżda lejn dak li nistgħu nsiru: kapolavur. Alla ma jikkastigax lill-midneb: id-dnub jikkastigah, għax iġiegħlu jaqbeż f’dagħbien ta’ hena falz. Iżda, tabilħaqq, biex naraw id-dellijiet jeħtieġ li noqogħdu għad-dawl tal-Kelma.