It-23 Ħadd matul is-sena Ċ
GĦAN-NISRANI VERU KRISTU L-EWWEL
Ġesù llum jaħsadna! Jiġifieri biex inkun dixxiplu tiegħu, irrid nobgħod lill-ġenituri, lil qrabati u lili nnifsi? Le, dan hu lingwaġġ imlewwen tal-ilsna Semitiċi (ilsien Ġesù kien l-Aramajk), u l-Iskrittura hija mimlija b’dawn il-frażijiet esaġerati li f’dak il-lingwaġġ jintużaw biex jagħmlu enfasi jew joħolqu kuntrast. Kulma jingħad f’dis-silta jrid idaħħlilna f’moħħna li għan-Nisrani Kristu jiġi l-ewwel: qabel missieru u ommu u qrabatu kollha u dak kollu li għandu għażiż. Kristu l-ewwel u qabel kollox u kulħadd. Jiġifieri meta niġu biex nagħmlu l-għażliet ta’ ħajjitna, dawn iridu jsiru b’mod li jkun jidher li għalina Kristu l-ewwel fuq kull kunsiderazzjoni oħra. Eżempju ħaj ta’ dan huwa San Franġisk. Meta ra li missieru kien qed ifixklu fil-mixja tiegħu wara Kristu fqir u umli, għażel lil Kristu, u kontra qalbu kellu jitlaq mill-fsied ta’ dar missieru u lilu jroddlu sa l-ħwejjeġ ta’ fuqu. Dan għamlu għax kien jobgħod lil missieru? Le, iżda għax kien iħobb lil Kristu aktar milli jħobb lil missieru. Din it-triq irridu nimxu fuqha anki jekk ħadd aktar fid-dinja ma jkun miexi fuqha... anki jekk ma tibqax moda!