It-22 Ħadd matul is-sena B - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-22 Ħadd matul is-sena B

L-ISPIRTU TAL-LIĠI JEW IT-TRADIZZJONIJIET?

Il-Fariżej, il-perfetti, dawk li jħarsu l-liġi fl-irqaqat kollha biex jidhru sbieħ u qaddisin minn barra, tkażaw meta raw lid-dixxipli tal-Mulej jieklu b’idejhom mhux maħsulin skont ir-rit. Imbagħad is-silta mill-Vanġelu ta’ San Mark issemmi bosta ċerimonji u ritwali li kienu daħlu bi drawwa u żdiedu mal-liġi ta’ Alla. Iżda mbagħad ġara li n-nies bdiet isserraħ rasha li biżżejjed tħares minn barra dawn it-tradizzjonijiet u d-drawwiet... kif tkun minn ġewwa (int u Alla) dik storja oħra. Bħallikieku lil Alla sa nixtruh biċ-ċerimonji li fihom infushom ma jfissru xejn jekk ma jkollhomx ruħ li twassalna għall-għaqda sinċiera ma’ Alla u mal-bnedmin. Dan hu l-essenzjal. Iċ-ċerimonji, jekk ma jwassluniex għal dan, ma jiswew xejn. Ħafna minna, b’xorti ħażina, nagħmlu bħal dawn il-Fariżej. Naħsbu li biżżejjed nisimgħu l-Quddiesa tal-Ħadd (jekk għadna mmorru), kultant inqerru, nersqu darba fil lejn l-Ewkaristija, ngħidu r-rużarju (hawn min iqerr li ma jgħidx ir-rużarju, u mbagħad qisu mhux hu jfalli l-Quddies tal-Ħadd!)... u nserrħu rasna. Mingħalina li b’hekk xtrajna s-salvazzjoni! Imma Alla ma jinxtarax: jekk ma nitħabtux biex inħalluh jidħol f’ħajjitna u jbiddilhielna mill-qiegħ, inkunu qed nagħżqu fl-ilma. Inkunu bħal dawk il-Fariżej li jgħixu bit-tradizzjonijiet u jħallu l-essenzjal barra.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content