It-22 Ħadd matul is-sena A
Ftit qabel Ġesù faħħar lil Pietru għax dan stqarr li hu l-Messija, Bin Alla l-ħaj, u qallu li dan stqarru għax kien imnebbaħ mill-Missier tas-sema. Iżda hekk kif Ġesù beda jbassar lid-dixxipli li f’Ġerusalemm ix-xjuħ, il-qassisin il-kbar u l-kittieba, ilkoll nies ta’ setgħa, kienu sa joqtluh u fit-tielet jum iqum, Pietru wrieh li ma riedx jisma’ b’dan. Hekk għamel Pietru wkoll fit-Trasfigurazzjoni meta ried jibqa’ jgawdi l-glorja, kif ukoll fil-Ġnien taż-Żebbuġ meta ħareġ is-sejf u beda jxejru biex ma jħallix lil Ġesù jinqabad għall-mewt. Pietru ried imur għall-glorja mill-ewwel bla ma jgħaddi mill-passjoni u l-mewt. Għalhekk ċaħad lil Ġesù xħin rah maqbud mill-għedewwa tiegħu, għax ma riedx jilqa’ t-tbatija li bħall-Imgħallem hu wkoll kellu jgħaddi minnha. Fih tifsira qawwija kliem il-Mulej li qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan!” Ifakkarna fil-kliem ta’ Ġesù lix-xitan fit-tiġrib fid-deżert: “Itlaq, xitan!” (Mt 4:10), għax dakinhar ix-xitan ukoll ried ifixklu biex ma jaqbadx it-triq tas-salib. Iżda Ġesù huwa ċar fi kliemu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja.” Ħadd mhu aqwa mill-Imgħallem: jekk hu għadda minn din it-triq biex jasal għall-qawmien, hekk ukoll aħna d-dixxipli jekk irridu nsalvaw ħajjitna l-ewwel irridu nitilfuha, għax meta nitilfuha għall-imħabba tiegħu, insibuha.