It-22 Ħadd matul is-sena Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-22 Ħadd matul is-sena Ċ
KUN UMLI; KUN ĠENERUŻ FL-GĦOTJIET TIEGĦEK

“Min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.” Inżommu f’moħħna li dan il-kliem Ġesù qalu fi pranzu għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej, u miegħu mal-mejda żgur li kien hemm Fariżej oħrajn mistednin. Dawn, billi kienu nies sewwa li jħarsu l-Liġi ta’ Alla b’reqqa liema bħalha, kienu jaħsbu li huma importanti aktar mill-oħrajn, u l-idea li kellhom tagħhom infushom kienet għolja wisq. Ġesù, fi kliem sempliċi, f’dawn iż-żewġ parabboli jħeġġiġna nkunu umli u ġenerużi. Umli jfisser inkunu realisti u nagħrfu x-xejn tagħna. Jien min jien, u int min int, Mulej? Inneħħu l-arroganza, u ara ma naħsbux li nilħqu fejn nilħqu, jew ikollna kemm ikollna flus, qatt nistgħu nilħqu s-sema b’idejna. Is-sempliċità u l-umiltà jiġbdu s-simpatija u l-imħabba tan-nies: niftakru f’qaddisin kbar bħal San Franġisk u Santa Tereża ta’ Calcutta. Dawn baqgħu ħajjin f’moħħ in-nies ta’ kull twemmin għax kienu sempliċi, umli, foqra fl-ispirtu. L-istess jingħad għall-ġenerożità. Ġesù jgħidilna li l-ġenerożità fl-għoti tal-għajnuna ma tistenna ebda ħlas. Agħti minn qalbek bla ma tistenna xejn lura.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content