It-22 Ħadd matul is-sena Ċ
ALLA JAĦSEB FIK, IRIDEK U JĦOBBOK
Il-bieb id-dejjaq li semma Ġesù l-Ħadd li għadda llum hu deskritt b’sensiela ta’ eżempji ironiċi u esiġenti, imnisslin mill-osservazzjoni tal-vizzji ta’ dejjem.
Id-dinja tridna dejjem minn ta’ quddiem; Ġesù jwasslilna messaġġ bil-maqlub: ma għandekx għalfejn tidher, li turi ruħek, inti tiswa. L-istima tiegħek innifsek li titwieled f’qalbek ma titkejjilx bil-ħiliet tiegħek, le, iżda bil-fatt li hemm Alla jaħseb fik, iridek u jħobbok. Inti tiswa, dan hu l-messaġġ tal-Iskrittura, inti għażiż f’għajnejn Alla. Ma jiswewx il-limiti tiegħek, lanqas il-kobor tal-biża’ tiegħek. Ma jiswiex x’jaħsbu fuqek l-oħrajn: inti tiswa, inti għażiż f’għajnejn il-Mulej. Għalhekk ma teħtieġx li tidher, li tfittex b’ossessjoni dehra li d-dinja tiċħadlek jew li hi terfa’ għal ftit magħżulin biss. Inti tiswa, anki li ma tirbaħ ebda midalja tad-deheb u ħajtek ċkejkna tintilef fit-tifkiriet ta’ ġenerazzjoni. Inti tiswa, id-dinjità tiegħek tbigħhiex bl-irħis, ħu ħsieb il-ġewwieni u jekk tieħu ħsieb in-naħa ta’ barra, dan agħmlu biex dejjem ikun biss id-dehra ta’ dak li hemm ġewwa. Il-limiti tiegħek? Ċint li jħaddan l-ispazju fejn int tirrealizza ruħek. Dnubietek? Esperjenza tal-limitatezza u tal-ħelsien li għad irid jissaffa, li bħala adult trid tilqagħha u tħalliha
f’idejn Alla. Ma teħtieġx tmur toqgħod fil-postijiet ta’ quddiem: Alla biss jaf lil qalbek, jafha aktar milli tafha int, tħallix lill-profeti foloz ta’ żmienna jegħlbuk.