It-22 Ħadd matul is-sena Ċ
ALLA JĦARES U JGĦAMMAR FEJN HEMM L-UMILTÀ
«Kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.» L-umiltà, li hi karatteristika tal-erwieħ il-kbar, togħġob lill-Mulej, għalhekk l-għaref iħeġġiġna: «Akbar m’int, aktar għandek tiċċekken, u ssib grazzja quddiem il-Mulej.» U għaliex togħġbu? Għax hi kwalità tal-istess kobor tiegħu. Anzi, kif jgħidu xi teoloġi, Alla biss hu umli u jista’ jkun umli. Għax trid tkun kbir u sublimi biex tinżel, biex tagħmel il-ġesti tal-umiltà. Dak biss li għandu piż veru jista’ jkun umli. Il-kobor fieragħ li qiegħed biex jidher, infatti, hu vojt u sfaċċat. Bħal dak is-sbul vojt li jxejjer fl-arja l-frugħa tiegħu, filwaqt li l-mimli jiltewa fl-umiltà. Issa l-kustjoni tal-umiltà bħala virtù ssir qagħda misterjuża u speċjali biex tiltaqa’ ma’ Alla għax fejn hemm l-umiltà, hemm Alla jħares (kif jgħallem is-Salm) u hemm Alla jgħammar. Il-bqija tal-Vanġelu tal-lum turina li Alla jkun jistenniena fiċ-ċkejknin.