It-2 Ħadd tar-Randan B
IT-TRASFIGURAZZJONI
Kull sena fit-tieni Ħadd tar-Randan nisimgħu r-rakkont tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej skont wieħed mill-Evanġelisti. Did-darba mess lil San Mark. Wieħed jistaqsi: “X’għandha x’taqsam it-Trasfigurazzjoni mar-Randan?” Ġesù llum irid jurina minn qabel kif kien sa jkun ġismu glorjuż wara l-qawmien mill-imwiet. Hu nbidel quddiem tliet xhieda: Pietru, Ġakbu u Ġwanni. Dawn fl-agunija tiegħu fil-Ġnien taż-Żebbuġ kienu sa jkunu ħdejh u jarawh fl-agħar mument tal-passjoni psikoloġika tiegħu, meta beda jaħkmu l-biża’ tal-mewt. Lil dawn ried jurihom li l-glorja seta’ jilħaqha wara li jkun għadda mit-triq tas-salib. Miegħu kellu żewġ xhieda oħra: Mosè (il-Liġi) u Elija (il-Profeti). Jiġifieri kien hemm l-Iskrittura kollha tagħti xhieda li dik kienet it-triq ta’ Alla. Pietru dan ma fehmux. Għalhekk qal: “Kemm hu sew li aħna hawn...” Ried jaqbeż is-salib u jmur għall-glorja mill-ewwel. Ħafna drabi, jekk mhux dejjem, aħna wkoll nagħmlu bħalu. Iżda t-Trasfigurazzjoni tgħallimna li din mhijiex it-triq ta’ Alla. Ġesù stess qalilna: “Min irid jimxi warajja, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja.”