It-2 Ħadd tar-Randan - Sena A
L-ISFIDA TAT-TRASFIGURAZZJONI
L-isfida tat-Trasfigurazzjoni mhijiex li niftakruha, iżda li ngħixuha llum. X’inhi t-trasfigurazzjoni? Fil-ħajja tal-Appostli hija dak il-waqt li fih, lil hinn minn dak li jidher, lil hinn mid-dubji, l-Appostli raw lil Ġesù bħala dak li hu. Lemħu fih il-Kelma li tiswa, il-Kelma li l-Missier jamar li nisimgħuha. U għalija u għalik? It-trasfigurazzjoni hi dak il-waqt favorevoli li fih naraw kollox kif jarah Alla. Tħares lejn il-ġrajjiet, il-fallimenti, is-suċċessi, il-ferħ u n-niket, u ssib tifsira mhux mistennija, ċarezza li ddawwal kollox, saħansitra (u fuq kollox) il-ġrieħi. Tifhem, imbagħad, li t-tbenġil huwa wkoll medalji għall-qlubija... U tara li fit-taħwid li jidher f’jiemek, hemm jiddi hu, mibdul u jbiddel, u hu sew li aħna hawn... Għall-anqas għal ftit, għal dak iż-żmien li Ġesù nnifsu jiddeċidih u jistiednek twarrab flimkien miegħu. Hu jaf li dak iż-żmien miegħu ma jaqtgħekx mid-dinja, iżda bit-trasfigurazzjoni tiegħu jdawwal il-ġrajjiet imċajprin tal-ħajja.