It-2 Ħadd tar-Randan A
“DAN HU IBNI L-GĦAŻIŻ: ISIMGĦU LILU”
Ir-rakkont tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej hu marbut mal-misteru tal-Għid. Fih naraw lil Kristu fil-glorja tiegħu ta’ Alla qabel il-qawmien tiegħu mill-mewt. San Mattew idaħħal ir-rakkont eżatt wara li Ġesù ħabbar lid-dixxipli għall-ewwel darba li hu kellu jmur Ġerusalemm, hemm imut fuq is-salib u jqum fit-tielet jum. Dakinhar Pietru liem lil Ġesù għal dak il-kliem. Ninnutaw li x-xitan dejjem jinqeda b’Pietru biex jibqa’ jġarrab lil Ġesù u jfixklu fl-għażliet tiegħu. Hekk ġara wkoll dakinhar tat-Trasfigurazzjoni: “Kemm hu sew li aħna hawn!” Pietru ried jaqbeż il-passjoni u jmur mill-ewwel għall-glorja. Dawk it-tliet dixxipli li quddiemhom Ġesù nbidel, huma l-istess tlieta li kienu sa jkunu qrib tiegħu u jarawh fl-agunija tal-Ġnien taż-Żebbuġ. Fuq dik il-muntanja għolja huma “raw” il-glorja ta’ Kristu. Iżda aħjar kieku ngħidu li kellhom l-esperjenza ta’ Kristu glorjuż, li hi esperjenza kollha kemm hi spiritwali. Jiġifieri d-deskrizzjoni li jagħtina l-Vanġelu tat-Trasfigurazzjoni hija improprja għax tipprova tfisser bi kliem uman dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem iżda li Alla ħejjieh għal min jibża’ minnu. Flimkien ma’ Ġesù dehru Mosè u Elija, il-Liġi u l-Profeti. Iżda leħen il-Missier qalilna: “Isimgħu lilu.” Il-kitbiet tat-Testment il-Qadim kienu jħarsu lejn Kristu, issa li ġie Kristu nisimgħu lilu biex nagħrfu x’inhi r-rieda tal-Missier.