It-2 Ħadd tar-Randan - Sena A
IT-TRASFIGURAZZJONI
“Kemm hu sew li aħna hawn!”
Din il-kelma ta’ Pietru quddiem l-għaġeb tat-Trasfigurazzjoni tal-Imgħallem, hija l-kelma li ħafna fostna jlissnu meta jkunu f’waqtiet ta’ għaqda sħiħa ma’ Alla; fil-Knisja, quddiem Ġesù Sagramentat, waqt xi laqgħa ta’ talb, waqt xi mument sabiħ ta’ komunjoni... Hija espressjoni li turi kemm tabilħaqq aħna nixtiequ nkunu ma’ Ġesù. U dan mhux biss huwa tajjeb, imma huwa wkoll Qaddis. Iżda bħat-Trasfigurazzjoni, dawn il-waqtiet jgħaddu: mhux biex itiru mar-riħ bħallikieku ma seħħew qatt, imma huma waqtiet li għandhom jibqgħu dejjem f’qalbna l-ħin kollu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. U għalhekk, aħna li ngħaddu minn ħafna waqtiet ta’ diffikultà, waqtiet ta’ qtigħ il-qalb, waqtiet li fihom inħossuna qed negħrqu, waqtiet fil-ħajja li fihom inħossuna waħedna; f’dawn il-waqtiet irridu niftakru fit-Trasfigurazzjoni, irridu nibdlu dawk il-waqtiet mudlama f’waqtiet ta’ dawl ġej minn Kristu fuq it-Tabor. Qalbek, anki meta tkun għaddej mid-dlam, tkun imdawla bid-dawl tat-Trasfigurazzjoni.
It-Trasfigurazzjoni hija mument importanti ħafna fil-ħajja ta’ Sidna Ġesù għaliex fuq it-Tabor, Alla wera li Kristu huwa tassew Ibnu l-Waħdieni. It-Trasfigurazzjoni hija turija tal-umanità vera tal-Iben ta’ Alla. Fuq it-Tabor, Alla qiegħed juri lill-umanità kollha li hu sar bniedem veru, għas-salvazzjoni tagħna. U għalhekk mat-Trasfigurazzjoni rridu nqiegħdu l-ħajja tagħna biex permezz ta’ Kristu tkun ittrasfigurata. Bi Kristu li tbiddel fuq il-muntanja Tabor, il-ħajja mimlija għoqod u tiċrit ġejjin mid-dnubiet tagħna, tinbidel f’ħajja mdawla li ddawwal lil kull min ikun madwarna, bħalma Kristu fuq it-Tabor dawwal lid-dixxipli tiegħu. Bħala dixxipli tal-Imgħallem, aħna m’aħniex imsejħa biex noqogħdu fuq it-Tabor nikkontemplaw it-Trasfigurazzjoni, imma bħal Pietru, Ġakbu u Ġwanni, aħna msejħa biex bid-Dawl ta’ Kristu nittrasformaw, inbiddlu l-qagħda tal-ħajja tagħna fil-parroċċa tagħna, fil-komunità tagħna, fil-post fejn naħdmu, fid-dar, fil-familja... Id-Dawl ta’ Kristu jrid jidher fil-mod kif ngħixu, naħdmu, nitkellmu. It-Trasfigurazzjoni trid tkun l-għajn u l-qawwa biex bħala dixxipli tal-Mulej, aħna nagħmlu r-responsabbiltajiet tagħna fil-ħajja ta’ kuljum, u nibdluhom f’mument ta’ grazzja fejn Kristu jkun preżenti u jaħdem biex jaqlagħna mill-ħama tad-dnub u jgħaqqadna miegħu.