It-2 Ħadd tar-Randan A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-2 Ħadd tar-Randan - Sena A

NISIMGĦU L-KELMA TA' ALLA... U NĦALLUHA TIBDILNA!

Is-smigħ tal-Kelma, twassal lill-bniedem biex jirċievi l-milja tal-Barka mingħand Alla l-Imbierek. Dan il-fatt donnu hu l-unika kondizzjoni li Alla l-imbierek jagħmel magħna l-bnedmin. Naraw illum lil Abraham jirċievi u jisma’ l-Kelma li Alla jgħidlu. Abraham jilqa’ dik il-Kelma u jsir barka, mhux biss għalih innifsu iżda għal kulħadd. Esperjenza, tant kbira u qawwija, li dan il-bniedem, ma setax iżommha għalih innifsu, imma kellu jitlaq biex din li Kelma tieħu l-ħajja fih. Kważi nistgħu ngħidu li kienet din il-Kelma li ħarġet lil Abraham mill-kenn ta’ daru, għaliex telaq kif qallu l-Mulej.

Il-persuna li tirċievi u taċċetta Kelma mingħand Alla l-imbierek ma tibqax l-istess, imma tkun trid tinbidel skont il-pjan divin li Alla stess fassal għalih. U forsi, hawnhekk, neħlu ftit, għaliex il-pjanijiet ta’ Alla l-Imbierek mhux dejjem ikun jaqblu mal-pjanijiet tagħna, u sikwit il-pjanijiet tiegħu jqanqlu fina ċertu biża’, mhux għax dan huwa minnu, imma għaliex mhux dejjem nifhmu sewwa dak li Alla jkun qiegħed isejħilha għalih. San Pawl jgħidilna, f’nifs wieħed, li waqt li qiegħed jgħix bil-grazzja u s-sejħa qaddisa, qiegħed ukoll ibati għall-istess Evanġelju li tah il-ħajja bla tmiem f’Ġesù Kristu. Pawlu, bħal Abraham u ħafna oħrajn, aċċetta l-Kelma fil-ħajja tiegħu, u din biddlitu fi bniedem ġdid, tant li sar dawl għalina u eżempju lejn min għandna nħarsu.

Pietru, Ġakbu u Ġwanni wkoll lemħu dan it-tibdil u din id-dija f’Ġesù fuq il-muntanja għolja. Raw id-dija bħal dik tax-xemx fil-wiċċ għażiż tiegħu u fehmu l-misteru l-kbir tal-fidi f’Ġesù. Dan seta’ jseħħ biss għaliex dawn in-nies bħal Abraham semgħu l-kelma u aċċettawha u saru barka, mhux biss għalihom infushom imma għal kulħadd. Din id-dehra fuq il-muntanja għolja fetħet beraħ għajnejn l-Appostli, biex huma wkoll ikollhom ħjiel tal-kobor tal-grazzja ta’ Alla l-Imbierek. Is-smigħ tal-Kelma wassalhom biex jersqu aktar lejn Alla. Din l-azzjoni kabbret fihom il-fidi u l-imħabba lejn Alla u l-bnedmin.

Ejjew għeżież, aħna wkoll nitgħallmu nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nemmnu fiha, kif għamlu dawn l-irġiel qaddisa, biex anki aħna nsiru barka u grazzja għan-nies ta’ madwarna, filwaqt li naraw id-dija bla qjies fil-wiċċ għażiż ta’ Kristu, aħna u naqduh b’qalbna miftuħa beraħ.

ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content