It-2 Ħadd tal-Għid - Sena A
AĦJAR TĦALLI R-RIEDNI F’IDEJH
Tħalli l-Mulej imissek aħjar milli tmissu int. Dan hu li nitgħallmu mill-Appostlu Tumas. L-Appostlu tad-dubju kellu esiġenzi mhux ħfief: «Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx.» Iżda meta ra lill-Mulej jinżel għal-livell tiegħu, meta ra lilu nnifsu mifhum u milqugħ, anki – u fuq kollox – fil-faqar tiegħu, fehem li aħjar tintmess milli tmiss, tkun imħares milli tħares, tkun imħaddan mill-Mulej milli tħaddan iċ-ċertezzi ċkejknin u nixfin tiegħek. Tumas fehem li ma’ Alla aħjar tħalli r-riedni f’idejh, għax hu jaf aktar minna x’teħtieġ qalbna. Hu jafna aktar milli nafu lilna nfusna. Aktar mill-oġġezzjonijiet tagħna, qalbna teħtieġ qabża fil-fidi li biha tistqarr: «Mulej tiegħi u Alla tiegħi!»