It-2 Ħadd tal-Għid - Sena A
NISIMGĦU L-KELMA TA' ALLA... U NXERRDUHA LILL-OĦRAJN!
Jekk matul ir-Randan il-Knisja tixtieq li aħna nirriflettu aktar fuqna nfusna biex fid-Dawl tal-Kelma ta’ Alla nagħrfu u nifhmu aktar min aħna u b’dan l-għarfien nitolbu l-ħniena tiegħu biex jibdilna, matul iż-żmien tal-Għid, ommna l-Knisja tixtieq li r-riflessjoni tagħna tkun aktar orjentata ’l barra minna. Tixtieq li permezz ta’ din ir-riflessjoni, aħna nsiru għodda utli għat-tkattir tas-Saltna ta’ Alla, biex bil-ħajja eżemplari tagħna fid-dinja, nagħtu xiehda tassew Nisranija lin-nies li niltaqgħu magħhom. Issa, li kellna l-grazzja ngħixu t-tridu qaddis tal-Għid ta’ Ġesù: li rajna l-mewt u l-qawmien tiegħu daqshekk mill-qrib, issa li f ’ħajjitna għandna anqas ktajjen tal-jasar imdendla magħna, issa biss nistgħu ngħixu l-esperjenza tad-dixxipli. Fin-nuqqas tal-Imgħallem, id-dixxipli ftakru fit-tagħlim tal-Appostli, u b’għaqal kbir għamlu dak kollu li setgħu biex iwettquh. Kibru fl-għaqda bejniethom permezz tat-talb u l-qsim tal-ħobż, kibru fl-imħabba u forsi bla ma kienu jafu sewwa x’kien qiegħed jiġri, permezz ta’ dan, kibret ukoll il-komunità.
Sa minn l-ewwel żminijiet, il-komunità kellha dejjem sehem importanti fit-tixrid tal-messaġġ Nisrani u tal-Evanġelju. Ġesù dejjem bagħat lid-dixxipli tiegħu, minn tal-anqas tnejn tnejn. Iżda mhux biss, il-komunità sa minn dejjem kellha r-responsabbiltà li tifforma lill-Insara. Fil-komunità, l-insara jikbru fl-imħabba ta’ bejniethom u ta’ Alla; flimkien jegħlbu l-biża’; flimkien jirtu l-wirt li ma jitħassarx għat-tifħir u l-glorja ta’ Alla l-Imbierek. Fuq kollox, fil-komunità l-Insara jikbru fil-fidi. Dan il-punt huma importanti ħafna, għaliex il-fidi ngħixuha dejjem mal-aħwa u qatt waħedna. Il-komunità li tinġabar madwar il-Kelma u mqanqla bit-tagħlim, tasal biex tagħmel għeġubijiet kbar. Tasal biex tirbaħ il-biża’ u tħalli lil Alla jmexxi, naturalment, dejjem jekk il-membri kollha jikkolaboraw mal-Ispirtu ta’ Alla, biex permezz tiegħu jikbru u jitqawwew fil-fidi.
Il-Vanġelu tal-lum jurina biċ-ċar li huwa Kristu li jgħix fil-komunità, li jagħti l-ħajja u l-qawwa, biex dawn l-aħwa joħorġu jxandru l-kobor tal-glorja ta’ Alla. Il-biża’ ħarbet minn fuqhom, hekk kif id-dlam jgħib ma’ tlugħ ix-xemx. Il-preżenza ta’ Ġesù nisslet fihom aktar għaqda u serħan tal-moħħ flimkien mad-dawl u l-għerf tal-Ispirtu. Nisslet ukoll fihom l-impenn tat-tħabbira. Tumas it-tewmi, inzerta li meta l-aħwa raw lil Ġesù, hu ma kienx hemm, u mhux talli tilef, imma tilef ħafna. Tilef iż-żmien ifittex minflok emmen, u forsi wkoll intilef jaħseb u jirraġuna minflok uża dak iż-żmien biex flimkien mal-aħwa, jemmen, irodd ħajr lil Alla u jxandar. Nafu biżżejjed kemm l-komunità hija importanti fil-ħajja tal-fidi tagħna?