It-2 Ħadd tal-Għid A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-2 Ħadd tal-Għid - Sena A
“MULEJ TIEGĦI U ALLA TIEGĦI”

Illum il-Knisja tiċċelebra l-Ħadd tal-Ħniena Divina. Alla, li tant iħobbna, li l-ħin kollu jurina l-ħniena, ma jridx jarana mbiegħda minnu! Għalhekk bagħat lil Ibnu biex isalvana, għax iħobbna u jridna miegħu.

Il-Vanġelu li għadna kemm smajna jirrakkonta dik il-ġrajja li seħħet fiċ-ċenaklu meta l-Appostli u wħud mid-dixxipli kienu miġbura, imbeżżgħin mil-Lhud, u Kristu deher fosthom, imma Tumas ma kienx hemm. Imbagħad reġa’ ġie fosthom meta Tumas kien hemm. Tumas: il-bniedem li għalkemm donnu jidher li kien bla fidi, imma fil-verità kellu fidi kbira ħafna f ’Ġesù, tant li malli rah, niżel għarkupptejh u stqarr dik il-frażi li tant hija sabiħa, u hija tant importanti li aħna ngħiduha sikwit, l-aktar waqt l-Ewkaristija Mqaddsa: «Mulej tiegħi, u Alla tiegħi!» Nistaqsi lili nnifsi: jien nemmen dak li emmen Tumas? Jew noqgħod nipponta subgħajja lejn Tumas u nakkużah li ma emminx, biex naħbi n-nuqqas tat-twemmin tiegħi?

“Mulej tiegħi, u Alla tiegħi!” Kapaċi bis-sinċerità kollha nistqarr din il-verità fundamentali? Kull meta nkun fil-Knisja – b’mod speċjali waqt l-Ewkaristija Mqaddsa – kapaċi ngħidha lil Ġesù? Jew jien għad għandi d-dubji?

Meta jiġuna d-dubji, hemm żewġ għażliet x’nistgħu nagħmlu: jew niddeċiedu li nżarmaw kollox u nwarrbu kollox minn quddiem għajnejna u ngħixu bħalma qed jgħixu ħafna nies fid-dinja tal-lum, mingħajr Alla għax ma għadhomx jemmnu fih; jew inkella, fid-dubju nissaħħaħ fil-fidi. Jien ma rridx ngħid li aktarx l-Appostli, fosthom Tumas, ma kellhomx ukoll dawk il-waqtiet ta’ dubju dwar Kristu, imma l-Vanġelu tal-lum jurina li fid-dubju, Tumas emmen. Fid-dubju, Tumas saħħaħ il-fidi. Fil-mument tal-prova, Tumas, bħad-dixxipli l-oħra, reħa ruħu f ’Ġesù, intelaq f ’idejh, bħalma kien għamel Ġwanni meta kienu fl-istess post, fiċ-ċenaklu, fl-Aħħar Ikla – intelaq fuq sider Ġesù!

Alla għani fil-ħniena: ejjew nemmnu tabilħaqq li Alla l-ħin kollu jħenn għalina għax iħobbna, jaħfrilna dnubietna, anke d-dubji tagħna, għax iħobbna. Ejjew nintelqu bla waqfien f ’riġlejn Ġesù u ngħidulu: Mulej tiegħi, u Alla tiegħi! Ammen.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content