It-2 Ħadd tal-Għid A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-2 Ħadd tal-Għid A
HUMA RAW U MESSEW, AĦNA NEMMNU
 
Kull darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara li qam mill-mewt, l-ewwel kelma li qalilhom dejjem kienet: “Is-sliem għalikom!” F’din is-silta l-frażi tingħad tliet darbiet. Fejn hemm Ġesù bilfors ikun hemm is-sliem li jaf jagħtih Alla biss. Dak il-Ħadd, il-jum li fih Ġesù qam, filgħaxija, hu deher lid-dixxipli u “wriehom idejh u ġenbu”. Skont Luqa 24:39 Ġesù żied jgħidilhom: “Araw idejja u riġlejja, jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam...” Ġesù jagħti l-investitura lill-Appostli wara li dawn ikunu rawh b’għajnejhom u messewh b’idejhom, u b’hekk saru xhieda validi għalina li ma rajna xejn imma nemmnu għax huma raw u messew. F’din is-silta Ġwanni jgħaqqad il-misteru kollu tal-Għid: il-Qawmien, it-Tlugħ għand il-Missier, l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu f’jum wieħed. Dan isir biex ix-xhieda tal-Appostli tkun sħiħa. Imma għal xi raġuni dakinhar Tumas, wieħed mit-Tnax, kien nieqes. Biex ma jkunx anqas minn sħabu l-Appostli, l-investitura tiegħu saret tmint ijiem wara għalih waħdu. Hu wkoll ried jara u jmiss bħall-oħrajn qabel li ma jsir xhud veru. Il-frażi ta’ Ġesù: “Emmint għax rajtni!” tista’ u għandha tingħad għal kull Appostlu. U mnalla kien hekk għax kieku l-Imgħallem ma kienx jgħid: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu.”
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content