It-2 Ħadd tal-Għid - Sena A
TUMAS JIXBAĦNA... GĦALHEKK 'TEWMI'
Qam, għal xejn tfittxuh fost il-mejtin. Qam, għal xejn tiġru lejn il-qabar biex tidilkuh u toqogħdu tagħtuh tant qima wara mewtu. Qam, tabilħaqq, tassew, m’hemm ebda dubju.
Ġwanni jgħidilna li Tumas kien imlaqqam “tewmi”. Kurjuż bħala laqam. Tant hu kurjuż li jġegħelna naħsbu li din hi xi logħba letterarja: Tumas jixbahna, hu bħalna f’kollox, aħna Tumas. Jixbahna fil-fidi dgħajfa, dubjuża, zoppa. Kemm nixtiequ ngħixu l-beatitudni li xandar Ġesù! Iżda għalina l-fidi aktar milli beatitudni hija sofferenza, inkwiet. Nemmnu, iva, mela le, morna u rajna. Il-Vanġelu nkixef quddiem ruħna bħala tweġiba mill-aktar sempliċi u kredibbli, koerenti u armonjuża għall-mistoqsijiet il-kbar tal-ħajja. Jekk Alla hu tajjeb, għaliex naraw id-dnewwa u l-mibegħda? Għaliex f’din il-mibegħda hu dejjem id-dgħajjef u l-innoċenti li jaqlagħha? Jekk Alla hu dawl, għaliex id-dalma tieħu tant spazju fi ħsibijieti? Nemmnu, iva, iżda dan in-niket jinsab dejjem hemm. Tumas hu t-tewmi tagħna f’din il-fidi zoppa. Iżda anki fid-delużjoni profonda ta’ ħutna li jemmnu, tan-nies tal-Knisja. Hawn hu l-Irxoxt. Ħafif, sabiħ, kollu sliem. Jitbissem, minnu toħroġ qawwa li taħkmek. L-oħrajn jagħrfuh u jifirħu. Tumas, miġruħ, iħares lejh mingħajr ma jifhem. Issa l-Mulej jersaq lejh, jurih il-qigħan ta’ jdejh, minfudin. «Tumas, naf li batejt ħafna. Jiena wkoll batejt ħafna: ħares ’l hawn.» U Tumas iċedi.