It-2 Ħadd tal-Għid Ċ
IL-ĦIDMA TAL-APPOSTLI
Ġesù kien ħejja lill-Appostli biex meta hu jerġa’ għal għand il-Missier, il-ħidma tiegħu jissoktawha huma. Dan hu li jurina l-ktieb tal-Atti tal-Appostli. Dawn mhux biss kienu jxandru l-Bxara t-Tajba, iżda magħha “kienu qegħdin isiru ħafna mirakli u għeġubijiet kbar fost il-poplu.” Kulħadd kien jammirahom, u bil-ħidma tagħhom bdew jiġbdu n-nies lejn Ġesù: “l-għadd ta’ dawk li kienu jemmnu fil-Mulej... kien dejjem jiżdied.” Din il-ħidma għadha għaddejja sal-lum. Is-suċċessuri tal-Appostli, l-Isqfijiet, għadhom sal-lum ixandru l-Bxara t-Tajba permezz tat-tagħlim li huma fid-dmir li jagħtu lill-Insara. U l-fejqan għadu wkoll isir sal-lum bil-maħfra tad-dnubiet fis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni.