It-2 Ħadd tal-Għid Ċ
‘RAJNA L-MULEJ’
Fis-silta tal-Evanġelju tal-lum meħuda mill-Evanġelju skont San Ġwann (20:19-31), naraw l-ewwel laqgħa ta’ Kristu Rxoxt mal-Appostli. Nindunaw bil-kuntrast kbir bejn Kristu u l-Appostli: filwaqt li l-Mulej huwa rebbieħ fuq il-mewt u jidħol mingħajr ostakli ħdejn ħbiebu, fuq in-naħa l-oħra l-Appostli kienu mbeżżgħa u magħluqin fiċ-ċenaklu. Hawnhekk il-ferħ u l-biża’ jiltaqgħu flimkien u r-riżultat huwa l-paċi li Ġesù biss jista’ jnissel fil-qalb tal-Appostli tiegħu.
L-Imgħallem jikkonferma min hu meta jitfa’ fuqhom l-Ispirtu s-Santu biex ikunu jistgħu bil-qawwa tiegħu jħabbu lid-dinja mill-ġdid miegħu. F’dan il-mument solenni l-Knisja rċeviet ir-rigal tal-maħfra biex tkun tista’ tamministrah matul iż-żminijiet. L-Appostlu Tumas juri d-dgħufija tal-bniedem meta ma setax jimmaġina lill-Imgħallem mill-ġdid fuq saqajh. U hawn jerġa’ jidħol il-Mulej biex isewwi dak li hu nieqes, jiġifieri n-nuqqas ta’ fidi li wera Tumas it-Tewmi. Ix-xokk tal-Appostlu jinbidel f ’esklamazzjoni mill-qalb: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’
Il-Mulej Irxoxt huwa ħaj fostna llum b’diversi modi u aħna niltaqgħu miegħu fil-mixja tagħna fuq l-art. Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa l-Mulej ikellimna bis-siltiet li naqraw mill-Kotba Mqaddsa u nirċevuh permezz tal-Ewkaristija li hija l-ikel spiritwali tagħna. It-talb huwa mument intimu meta aħna niftħu qalbna mal-Mulej u nħalluh idawlilna triqatna. Il-Mulej jiltaqa’ magħna permezz tal-proxxmu: li jieħu s-sura tal-fqir, tal-abbandunat, tal-marid, tal-ħabsi, tal-anzjan, tal-barrani… u aħna rridu nkunu attenti għal dawn iż-żjarat mhux mistennija tiegħu bħalma ġara l-Ħadd filgħaxija meta hu deher lill-ħbiebu fiċ-ċenaklu. Il-laqgħa tagħna miegħu trid tgħinna biex naraw l-affarijiet kif jarahom hu. Il-laqgħa tiegħu magħna trid tnissel fina l-ferħ u l-kuraġġ. Aħna naslu għal dan jekk inħallu l-Ispirtu s-Santu jgħix fina. Huwa l-Ispirtu tal-Verità li jdawwal l-imħuħ quddiem il-gidba li hi preżenti taħt ħafna forom fil-ħajja tal-lum.
‘Rajna l-Mulej’: ħa tkun din il-laqgħa li rridu nagħmlu kuljum bħala Nsara mal-Mulej li tmexxina biex ngħixu l-Evanġelju tal-ħniena u l-imħabba ma’ ħutna l-bnedmin.