It-2 Ħadd tal-Għid Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-2 Ħadd tal-Għid - Sena Ċ

JIENA NEMMEN

Hi kwistjoni ta’ fidi, ħaġa ċara. U l-fidi hija l-protagonista tat-tieni Ħadd tal-Għid, kull sena, b’attur ta’ eċċezzjoni: Tumas l-Appostlu. Dak li jemmen, mhux dak li ma jemminx.

Flimkien ma’ Tumas nirriflettu fuq xi tfisser “temmen”. Kunċett kultant ambigwu, bħal meta ngħidu lil xi ħadd li jkollna dubju fuqu: “Iva, emmintek!” Iżda fil-lingwaġġ tal-Bibbja għall-att ta’ fidi jintużaw żewġ verbi: ‘aman u hatah, li juru appoġġ żgur, ċertezza assoluta (mill-ewwel verb toħroġ il-kelma liturġika ammen: jiena nemmen mill-istess għerq tal-verb Malti). Temmen tfisser tistrieħ fuq xi ħaġa ferma, tafda f’xi ħadd li tista’ torbot fuqu. Tumas ma jemminx. M’għadux jemmen. Dak li fuqu straħ issa waqa’ u tfarrak. Il-ħeġġa tiegħu ntfiet: kollox deher mitluf, is-Saltna saret illużjoni, ir-Rabbi hu bniedem twajjeb megħlub mill-ħażen tas-setgħa reliġjuża. Tumas m’għandux aktar ċertezzi għax is-salib qeridhom. Kif jiġri lilna wkoll. Sewwa. Dan ifisser li kienu sewwasew dawk iċ-ċertezzi li kellhom jaqgħu għax dgħajfin. Għadu ma jafx, Tumas, iżda l-fidi tiegħu hi lesta biex titwieled mill-ġdid, li terġa’ tistrieħ fuq il-predikazzjoni tar-Rabbi u mhux aktar fuq il-prospettivi foloz li l-Appostlu kien sawwar. Jekk taqa’ l-fidi jfisser li din kienet mistrieħa fuq sisien dgħajfa u inkonsistenti. U fl-aħħar inkunu lesti għall-Fidi.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content